Għalkemm ninsabu f’nofs l-istaġun tas-Sajf, il-bajjiet u x-xtajtiet madwar pajjiżna għadhom ikunu ffullati bin-nies. Ma jistax jonqos dan, billi s-Sajf Malti huwa wieħed sħun u anke bit-tibdil fil-klima qed ikompli jsir aktar sħun. Għalhekk mingħajr dubju l-Maltin se jibqgħu jfittxu l-għawm sal-aħħar tal-istaġun jekk mhux anke wara. Dan iwassalna ngħidu illi aktar ma l-bajjiet ikunu ffullati, jikber aktar ir-riskju ta’ inċidenti żgħar u oħrajn aktar serji.
Għalhekk jeħtieġ aktar attenzjoni biex l-inċidenti jonqsu kemm jista’ jkun, aktar u aktar minn dawk li jkunu jsuqu xi inġenji tal-baħar, li għandhom l-obbligu li ma jersqux viċin l-għawwiema. L-awtoritajiet ħadu ħsieb dan billi kontinwament, permezz ta’ kampanji u metodi oħra, jinsistu għas-sigurtà fil-baħar.
Il-kampanja annwali ta’ Transport Malta hija mmirata li toħloq għarfien marittimu, partikolarment matul ix-xhur tas-sajf, fejn eluf ta’ Maltin f’dawn iż-żminijiet jagħmlu attivitajiet sportivi jew ta’ divertiment fil-baħar. Il-messaġġi li qed jintbagħtu b’din il-kampanja huma magħmulin b’mod sempliċi biex jinftehmu minn kulħadd, kif ukoll ikun hemm kollaborazzjoni mal-komunitajiet lokali, għaqdiet sportivi u anke operaturi turistiċi.
Dan ma jgħoddx biss għall-aċċidenti imma wkoll dak li jfittxu rikreazzjoni ħdejn il-baħar għandhom ukoll joqogħdu attenti għas-sinjali ta’ baħar imqalleb u kurrenti qawwija. Għaldaqstant minkejja li kulħadd għandu d-dritt li jgawdi x-xtajtiet, jeżisti wkoll l-obbligu li nipproteġu lilna nfusna u lil xulxin.
Huwa obbligu tagħna wkoll li nżuru l-bajjiet, partikolarment dawk imrammlin, illi ma nkunux ta’ riskju għal ħaddieħor billi narmu oġġetti fir-ramel. Dan aktar u aktar meta l-bajjiet tagħna huma miżgħudin b’reċipjenti tal-iskart fejn għandhom jintremew dawn l-affarijiet. B’hekk inkunu mhux biss qed nipproteġu lil ħaddieħor imma lilna wkoll għaliex l-inċidenti jistgħu jiġru lil kulħadd.
Nemmnu f’sens ċiviku minn kulħadd u b’dan il-mod jiġu segwiti r-regolamenti u b’hekk nevitaw ħafna mill-inċidenti li jistgħu jseħħu bi traskuraġni. L-appell jibqa’ dak li s-sigurtà kemm fuq il-baħar u anke fuq ix-xtajtiet għandha tkun prijorità biex l-esperjenza ta’ ħdejn il-baħar tibqa’ tkun waħda sana u ħielsa mil-perikli.