Il-ħarsien tas-sigurtà ’l barra minn pajjiżna huwa fost l-aktar ta’ tħassib għall-Maltin fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea. Dan ħareġ mill-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru li sar fost is-27 Stat Membru tal-UE. F’Malta, l-istħarriġ sar bejn is-6 u l-24 ta’ Novembru 2025 u fih ġew intervistat 502 persuni li għandhom minn 15-il sena ’l fuq.
F’dak li jirrigwardja l-kwistjonijiet relatati ma’ sigurtà, il-Maltin semmew l-aktar l-immigrazzjoni, attakki ċibernetiċi minn pajjiżi barra l-UE, il-kunflitti u gwerer viċin tal-Unjoni Ewropea, it-terroriżmu u d-diżastri naturali li komplew għarrqu t-tibdil fil-klima.
Inkwiet ieħor espress mill-Maltin kien dak marbut mal-komunikazzjoni, l-aktar id-disinformazzjoni, kontenut fake maħluq permezz tal-Intelliġenza Artifiċjali, diskorsi ta’ mibegħda, il-protezzjoni tad-data online u l-kontroll tal-midja soċjali minn ftit kumpaniji multi-nazzjonali.
Mill-istess stħarriġ ħareġ li l-Maltin huma r-raba’ l-aktar ottimisti dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea, wara d-Danimarka, l-Irlanda u l-Litwanja.
Dwar lejn xiex l-Unjoni Ewropea għandha tiffoka l-aktar biex issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fid-dinja, 32% tal-Maltin semmew id-difiża u s-sigurtà, 30% semmew l-edukazzjoni u r-riċerka u 24% semmew l-azzjonijiet relatati mal-klima u t-tnaqqis tal-emissjonijiet.
Dwar il-prijoritajiet taċ-ċittadini għall-Parlament Ewropew, il-Maltin semmew l-aktar l-inflazzjoni u l-għoli tal-prezzijiet, is-saħħa pubblika, l-ambjent u t-tibdil fil-klima u l-immigrazzjoni.
Fir-rigward tal-valuri li l-Parlament Ewropew għandu jagħti prijorità, l-aktar li ssemmew mill-Maltin kienu l-paċi, id-demokrazija, il-libertà tal-kelma u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.
Fix-xena lokali, 26% tal-Maltin jaħsbu li l-livell tal-għajxien tagħhom se jitjieb filwaqt li 46% jaħsbu li dan se jibqa’ l-istess.

