Għada niċċelebraw Jum il-Ħelsien. Jum li fih pajjiżna ma baqax bażi militari. Hu l-jum li fih rajna t-tmiem tal-bażi militari biex pajjiżna ma jibqax jintuża bħala fortizza militari f’nofs il-Mediterran.
Ta’ min jgħid li dak kien il-ħelsien li Malta tant kellha bżonn. Illum lanqas tgħaddilna minn rasna li nerġgħu nkunu bażi militari jew kolonja. Madanakollu hemm bżonn nitkellmu fuq ħelsien ieħor li hemm bżonn għall-poplu.
Is-soċjetà tagħna nbidlet. F’dan l-isfond, nemmnu li llum waqt li qegħdin infakkru dan il-jum, pajjiżna għandu bżonn ħelsien ieħor. Ħelsien mill-preġudizzji li sfortunatament għadhom jeżistu fostna.
Preġudizzji lejn persuni minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Preġudizzji kontra l-barranin. Preġudizzji lejn min hu ta’ ġilda differenti minn tagħna, preġudizzji kontra min hu ta’ razza differenti minn tagħna jew ta’ reliġjon.
Fuq kollox irridu ħelsien mill-estremiżmu li qed narawh jikber fostna. Estremiżmu li forsi ġieli ninjorawh imma qiegħed magħna. Estremiżmu li ma jagħmel xejn ħlief li jirkeb fuq it-traġedji tal-vulnerabbli biex ibeżża’ sezzjonijiet tal-poplu. Nemmnu li r-razziżmu u l-antipatija li xi wħud minna għandhom lejn dawk li mhumiex Maltin llum m’hemmx postha. Hi ħasra li qegħdin naraw il-preġudizzji u l-isterjotipi jiżdiedu.
Huwa f’dan il-kuntest li nemmnu li s-sinifikat ta’ dan il-jum huwa ferm ikbar minn dak li kien sa ftit ilu. Bħalma nemmnu wkoll li r-rilevanza ta’ Jum il-Ħelsien kibret sew għax in-newtralità u l-paċi huma importanti anke minħabba s-sitwazzjoni ġeo-politika attwali. Għalhekk, id-deċiżjoni storika tal-Ħelsien, li biha Malta waqfet milli tkun bażi militari kważi nofs seklu ilu, kienet waħda kruċjali għall-iżvilupp ta’ dan il-pajjiż.
F’dan il-jum, filwaqt li hu tajjeb li nirriflettu dwar din il-kisba storika għal pajjiżna, hu daqstant ieħor importanti li nġeddu l-impenn tagħna biex inkomplu naħdmu għal Malta li tħaddan il-paċi, il-ġustizzja, in-newtralità u s-sostenibilità soċjali. Lil hinn minn dan kollu, aħna konvinti li pajjiżna kif affaċċja l-isfidi li għaddew, lest jaffaċċja l-isfidi tal-ġejjieni.

