Saturday, December 28, 2024

Is-Sinjura Vella tippreżenta ċertifikat lit-tfal li taw sehemhom fid-disinn għall-karus ta’ L-Istrina

Aqra wkoll

Is-Sinjura Miriam Vella, mart il-President ta’ Malta, iltaqgħet mat-tfal li ħadu sehem fil-kompetizzjoni biex jintgħażlu t-tpinġijiet għal karusijiet tal-BOV Piggy Bank Campaign 2022 b’risq L-Istrina. It-tema ta’ din is-sena hija “Aħjar tkun ħabib milli bully”.

F’attività fil-Palazz ta’ Sant’ Anton, il-Ħamis filgħaxija, is-Sinjura Vella qassmet ċertifikati ta’ parteċipazzjoni lit-tfal bħala turija ta’ apprezzament għas-sehem tagħhom. F’kelmtejn tal-okkażjoni, is-Sinjura Vella rringrazzjat lil kull tifel u tifla li bagħtu t-tpinġija tagħhom kontra l-bullying u li permezz tagħha qed jikkontribwixxu għall-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund, li tgħin lil kull min jiġi bżonn l-għajnuna tagħha.

L-Istrina BOV Piggy Bank Campaign issir flimkien mal-Bank of Valletta b’kollaborazzjoni mad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni.

Is-Sur Simon Azzopardi, Chief Wealth Management Officer fil-Bank of Valletta, qal li fi 19-il sena mindu saret l-ewwel darba din il-kampanja nġabru aktar minn €2.6 miljun b’risq il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni is-Sur Matthew Vella qal li b’din il-kampanja t-tfal qed jingħataw l-ispazju biex jesprimu x’jaħsbu u x’jixtiequ. Tkellem ukoll dwar il-messaġġ b’saħħtu li għaddew it-tfal bit-tpinġijiet tagħhom kontra l-bullying li meta jgħaddu minn dawn is-sitwazzjonijiet mhumiex waħedhom.

Il-kompetizzjoni tal-Istrina BOV Piggy Bank Campaign kienet miftuħa għall-istudenti kollha tal-primarja. It-tliet tpinġijiet li se jkunu fuq il-karusijet intgħażlu minn bord magħmul minn studenti universitarji li qed jistudjaw l-Istorja tal-Arti f’livell ta’ Maġisteru. Il-karusijiet se jitqassmu fl-iskejjel lejn tmiem din is-sena bis-somma finali miġbura minnhom b’risq il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund tiġi ppreżentata waqt L-Istrina, l-għada tal-Milied.

Ekonomija

Sport