Is-Sirja se tingħaqad mal-koalizzjoni internazzjonali mmexxija mill-Istati Uniti biex tiġġieled il-grupp tal-Istat Iżlamiku. Dan il-pass jimmarka bidla sinfikanti fil-politika barranija tal-Istati Uniti għall-Lvant Nofsani.
It-tħabbira li s-Sirja se tingħaqad mal-koalizzjoni saret waqt laqgħa li l-President Donald Trump kellu fil-White House mal-President Sirjan Ahmed al-Sharaa – l-ewwel żjara bħal din minn mexxej Sirjan fl-istorja tal-pajjiż.
Iż-żjara kienet deskritta minn al-Sharaa bħala parti minn “era ġdida” li fiha pajjiżu se jikkoopera mal-Istati Uniti. Trump esprima l-appoġġ tiegħu għal al-Sharaa, li sa ftit ilu kien meqjus bħala terrorista mill-gvern tal-Istati Uniti.
Is-Sirja issa se tkun id-90 pajjiż li se jingħaqad mal-koalizzjoni globali, li għandha l-għan li telimina l-elementi li fadal tal-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku u twaqqaf il-fluss ta’ militanti barranin lejn il-Lvant Nofsani.
Wara l-laqgħa, uffiċjal għoli tal-amministrazzjoni Trump ikkonferma wkoll li d-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti, flimkien mad-dipartimenti tal-istat u l-kummerċ, se jħabbru miżuri ġodda biex ineħħu r-restrizzjonijiet ekonomiċi imposti fuq is-Sirja u jipprovdu ċarezza ta’ konformità għall-investituri.
Ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn is-Sirja u l-Istati Uniti ilhom sospiżi mill-2012, għalkemm l-Istati Uniti issa se tippermetti lis-Sirja terġa’ tiftaħ l-ambaxxata f’Washington.
Din hija t-tielet laqgħa bejn iż-żewġ mexxejja, wara waħda f’Mejju fil-marġni tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf u pranzu waqt l-Assemblea Ġnerali tan-NU f’Settembru.
Sa din is-sena, al-Sharaa kien il-mexxej ta’ Hayat Tahrir al-Sham, grupp Iżlamiku armat li l-Istati Uniti uffiċjalment kienet tqiesu bħala organizzazzjoni terroristika sa erba’ xhur ilu, b’premju ta’ $10 miljun fuq rasu. Iżda d-Dipartiment tat-Teżor neħħa lil al-Sharaa mil-lista terroristika globali tiegħu l-ġimgħa li għaddiet biss.
Minn meta sar president interim Sirjan, al-Sharaa ħadem biex itaffi l-immaġni pubblika tiegħu biili pprova jibni mill-ġdid is-Sirja, b’appoġġ barrani, wara 13-il sena ta’ gwerra.
Madankollu, it-tmexxija ta’ al-Sharaa ġiet imtappna minn qtil ta’ membri tal-minoranza Alawita tas-Sirja, kif ukoll minn vjolenza fatali bejn ġellieda Bedwini Sunni u milizji Drużi. Huwa wiegħed li jelimina l-membri tal-forzi tas-sigurtà tiegħu li wettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem.
Trump, min-naħa tiegħu, ripetutament esprima appoġġ għal al-Sharaa, fejn irrefera għalih bħala “raġel żagħżugħ u attraenti” u “ġellied”.
F’Ġnju, il-President Trump iffirma ordni eżekuttiva li tneħħi s-sanzjonijiet kontra s-Sirja, li l-White House qalet li se tgħin biex tappoġġja t-triq tal-pajjiż lejn l-istabbiltà u l-paċi.

