Tuesday, January 13, 2026

Is-Sisien tal-familja Maltija f’soċjetà mgħaġġla u moderna

Miktub minn Mariah Meli, Sindku Għargħur

Aqra wkoll

Għal sekli sħaħ, il-familja kienet il-pedament li fuqu nbniet is-soċjetà Maltija. Kienet l-istituzzjoni li tipprovdi l-kenn, l-edukazzjoni morali, u s-sigurtà ekonomika. Madankollu, fl-aħħar għoxrin sena, il-gżejjer tagħna għaddew minn trasformazzjoni soċjo-ekonomika mgħaġġla li bidlet b’mod drastiku l-mod kif ngħixu, kif nikkomunikaw, u kif inħarsu lejn il-kunċett ta’ “familja”.

Id-Dinamika l-Ġdida

Fl-imgħoddi, il-familja Maltija kienet magħrufa bħala dik “estiża”. Kienet xi ħaġa normali li n-nanniet, iz-zijiet u l-kuġini jgħixu qrib xulxin, spiss fl-istess triq jew raħal. Illum, ir-ritmu tal-ħajja moderna u l-pressjonijiet ekonomiċi wasslu għal bidla lejn il-familja “nukleari”. B’aktar koppji jaħdmu t-tnejn li huma biex ekonomikament ikunu aktar b’saħħithom fejn jistgħu jaffordjaw ħajja aktar komda u jkunu jistgħu iħallsu għal ċertu affarijiet li sa ftit snin ilu konna nqisuhom bħala kapriċċ, bħal per eżempju xi ġita mal-familja kollha.

L-Isfida tal-Ħin

L-akbar għadu tal-familja moderna huwa l-ħin. Is-soċjetà tal-lum hija mibnija fuq il-produttività u l-effiċjenza. It-tfal għandhom skedi mimlijin attivitajiet extra-kurrikulari biex jiżviluppaw il-karattru u l-ħiliet tagħhom, filwaqt li l-ġenituri, wara li jkunu studjaw u impenjaw ruħhom fid-dinja tax-xogħol fiż-żgħożija tagħhom, ikomplu bil-karrieri tagħhom. Dan kollu wassalbiex il-ħin fejn il-familja tiltaqa’ u tikkomunika fuq il-ġrajjiet li kull membru tal-familja jkun għadda minnhom, ġie limitat.

Ir-Rwol tan-Nanniet

Minkejja l-modernità, is-sisien tal-familja Maltija għadhom mirfuda b’mod qawwi mir-rwol tan-nanniet. F’pajjiż fejn in-nuqqas ta’ flessibbiltà fuq il-post tax-xogħol huma realtà, in-nanniet Maltin għadhom jappoġġjaw lil uliedhom u n-neputijiet, u jservu bħala s-sinsla li żżomm kollox flimkien. Huma jipprovdu l-kura tat-tfal u jgħaddu l-valuri tradizzjonali lill-ġenerazzjoni l-ġdida, u b’hekk joħolqu pont bejn il-passat u l-futur.

Diversità u Reżiljenza

Huwa importanti wkoll li nirrikonoxxu li l-familja Maltija tal-lum m’għadhiex tidher biss b’mod wieħed. Illum għandna familji b’ġenitur wieħed, familji rikostitwiti, u koppji tal-istess sess. Din id-diversità hija xhieda ta’ soċjetà li qed tevolvi u ssir aktar inklużiva. Madankollu, l-isfida tibqa’ l-istess għal kulħadd: kif se nippreservaw l-imħabba u r-rispett f’dinja li ma tieqaf qatt tiġri?

Biex il-familja Maltija tibqa’ b’saħħitha f’dinja daqshekk mgħaġġla, il-politika trid tindirizza mhux biss il-flus, iżda l-aktar riżors prezzjuż: il-ħin. Il-gvern flimkien ma’l-uffiċjali li jfasslu l-liġijiet għandhom il-poter li joħolqu ambjent fejn il-karriera ma tikkonferixxix mal-benesseri tal-familja. Il-Gvern Laburista ħadem qatigh fuq diversi mizuri, imma certissima li hemm lok għal aktar xogħol f’din id-direzzjoni:

1. Flessibbiltà u l-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja (Work-Life Balance)

Id-Dritt għall-Iskonnettjar (Right to Disconnect): Introduzzjoni ta’ liġijiet li jipprojbixxu lill-imgħallmin milli jibagħtu emails jew jagħmlu kuntatt mal-ħaddiema wara l-ħin tax-xogħol, kemm il-darba tali xogħol jippermetti, sabiex il-ħin tal-familja jkun sagrosant.

Aktar inċentivi għal “Remote Working”: Inċentivi fiskali għal kumpaniji li joffru xogħol mid-dar jew sigħat flessibbli, speċjalment għal ġenituri bi tfal żgħar jew dawk li jieħdu ħsieb l-anzjani.

2. Tisħiħ fl-Għarfien Finanzjarju, Miżuri Ekonomiċi u ta’ Akkomodazzjoni

Aktar iffukar fuq sussidji fuq id-Djar għall-Familji Żgħażagħ: Il-Gvern Laburista diga ghamel hafna imma jenhtieg aktar politika li tiffoka fuq akkomodazzjoni affordabbli, tnaqqas il-piż finanzjarju u ttiha l-opportunità lill-familji li jgħixu diċenti.

Aktar taħriġ ta’ “Financial Literacy”: It-tfal u ż-żgħażagħ tagħna ghandhom ikollhom taħriġ fuq kif jieħdu ħsieb il-finanzi tagħhom. Dan għandu wkoll jidħol bħala parti mill-“curriculum” tal-istudji tagħhom.

3. Is-Saħħa Mentali u l-Appoġġ Soċjali

Servizzi ta’ Counselling b’xejn fil-Komunità: Ta’ min jiġi kkunsidrat tisħiħ tas-servizzi ta’ terapija għall-koppji u għall-familji, biex problemi li jinqalgħu minħabba l-istress jiġu indirizzati qabel ma jwasslu għal tifrik tal-familja.

Kampanji ta’ Edukazzjoni: Investiment f’edukazzjoni dwar il-ġenituri (parenting skills) li tgħin lill-familji jinnavigaw l-isfidi tad-dinja diġitali u l-użu tat-teknoloġija fit-tfal.

4. Urbanistika u Ambjent

Aktar Spazji Miftuħa fil-Qalba tal-Lokalitajiet: Il-familji għandhom bżonn postijiet fejn jistgħu jirrilassaw flimkien mingħajr ma jonfqu flus. Politika li tiffavorixxi l-pedonalizzazzjoni u l-ħolqien ta’ ġonna f’kull raħal tgħin biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja. Id-direzzjoni li qabad dan il-Gvern ghandna titkompla matul is-snin li ġejjin.

Is-sisien tal-familja Maltija mhumiex mibnija fuq il-konformità mal-passat, iżda fuq ir-reżiljenza u l-kapaċità li nżommu l-konnessjoni umana f’nofs il-kaos modern. Għalkemm l-istruttura nbidlet, il-bżonn tal-bniedem li jappartjeni u li jkun maħbub baqa’ kostanti. Biex il-familja tibqa’ b’saħħitha, irridu nitgħallmu “nieqfu” u nagħtu prijorità lil xulxin fuq il-materjaliżmu u s-suċċess superfiċjali. Il-futur tas-soċjetà Maltija jiddependi direttament fuq is-saħħa ta’ dawn ir-rabtiet primarji.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport