Saturday, December 21, 2024

“Is-sistema edukattiva qiegħda hemm biex l-istudenti kollha jirnexxu u mhux persentaġġ minnhom biss”

Aqra wkoll

Jgħid dan il-Kap tal-Iskola Primarja fir-Rabat Għawdex, Lelio Spiteri

Il-Kap tal-Iskola Primarja fir-Rabat Għawdex, Lelio Spiteri, f’kummenti li għaddielna dwar ir-rapport intitolat “It-tfal ftit li xejn se jibqgħu jistudjaw”  qalilna li “s-sistema edukattiva qiegħda hemm biex l-istudenti kollha jirnexxu u mhux persentaġġ minnhom biss”.

Enfasizza li “qrajt b’interess l-artiklu dwar l-eżami tal-benchmark. Ta’ min jgħid li dan l-eżami ma sarx din is-sena minħabba li l-iskejjel kienu magħluqa u l-istudenti avvanzaw għall-iskola medja fuq il-bażi ta’ assessjar li kien diġa’ sar fil-klassi tas-sitt sena tal-iskola primarja. Li l-eżami tal-benchmark mhux ser jibqa’ jsir, din mhix aħbar friska għax ilna nafu li hekk ser isir. Kif ġew l-affarijiet, kont nippreferi li lanqas din is-sena ma jsiru dawn l-eżamijiet. Ilni edukatur fl-iskejjel għal dawn l-aħħar 25 sena u nibqa’ nsostni li fil-primarja m’għandux ikun hemm eżamijiet. Kien pass għaqli ferm li l-eżamijiet ta’ nofs is-sena jitneħħew u messu kellna l-kuraġġ li nneħħu l-eżamijiet annwali wkoll. Qed ngħid hekk għax fil-primarja t-tfal għadhom żgħar wisq biex jagħmlu eżamijiet. Dawn jilħqu jagħmluhom aktar tard fil-ħajja. Din l-għaġġla kollha għalfejn?

“Fl-iskejjel tagħna qed titħaddem sistema ta’ assessjar li qed tieħu post l-eżamijiet, sistema li hija tajba għalkemm hemm lok għal titjib. Fl-artiklu ntqal li jekk jitneħħew dawn l-eżamijiet, it-tfal ser jistudjaw anqas. Jekk l-istudju huwa marbut mal-eżamijiet, allura għadna ma fhimna xejn. Hemm bżonn bidla immedjata fil-kultura u fil-mentalità. Inti tistudja biex tikber bħala persuna, tkabbar l-għerf tiegħek u mhux biex tgħaddi minn eżami. Nafu biżżejjed li l-eżamijiet ma jkejlux l-intelliġenza tal-persuna. Dan kif tippretendi li t-tfal jgħaddu kollha mill-istess proċess u għarbiel meta għandhom interessi, xeħtiet u bżonnijiet differenti? Fl-artiklu ssemma’ l-istress. Mill-esperjenza nikkonferma li dan huwa minnu. Imma għaliex għandu jkun hekk meta nistgħu nevitaw dan kollu? Ħafna drabi inpoġġi lili nnifsi fiż-żarbun ta’ student li fl-eżamijiet ma jmurx tajjeb u jħossu fallut meta dan ikollu ħiliet u abilitajiet li mhux qed jiġu mkejla minn karta ta’ eżami. Is-sistema edukattiva qiegħda hemm biex l-istudenti kollha jirnexxu u mhux persentaġġ minnhom biss”, temm jgħidilna il-Kap tal-Iskola Primarja tar-Rabat Għawdex, Lelio Spiteri.

Ekonomija

Sport