“Is-sistema tal-ġustizzja la bdiet u anqas tispiċċa bina. Miskin hu min jaħseb li hu indispensabbli. Aħna afdati nibnu fuq dak li writna minn ta’ qabilna u nagħmluh dejjem aħjar, nagħmluh minn qalbna, b’rispett lejn id-dinjita’ tal-bniedem. Is-setgħat mogħtija lilna mhumiex għajr għodda li biha nagħtu servizz u naqdu l-istat Malti billi nagħmlu ġustizzja bil-liġijiet u bid-dimensjoni umana u morali mistennija minna”
Qal dan il-Prim Imħallef Mark Chetcuti f’diskors li għamel fl-okkażjoni tal-ftuħ tas-Sena Forensi fejn saħaq fuq il-ħtieġa ta’ Kummissarju għall-Istandards tal-Ġudikatura biex il-ġudikatura tidher aktar trasparenti u kontabbli. Qal li l-iskop, almenu fil-ħsieb tiegħu, kien li din il-persuna magħżula għal dan is-servizz delikat u importanti tkun fl-ewwel lok ta’ għajnuna fil-mansjonijiet amministrattivi tal-Prim Imħallef biex ikollu viżjoni ta’ dak li qed iseħħ fost il-ġudikatura fil-qadi ta’ dmirijiethom .
Qal li sfiq ma’ dan il-ħsieb il-funzjoni tal-Kummissarju hija wkoll filtru biex jiġu kunsidrati b’aktar dettall kull tħassib li jitressaq dwar kull ġudikant qabel ma jsir ebda rapport li fuqu l-Prim Imħallef u/jew il-Ministru tal-Ġustizzja għandhom is-setgħa bil-Kostituzzjoni li jmexxu għall-iskrutinju tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.
Il-Prim Imħallef tenna li kif dejjem sostna, dan id-dmir qabel kien jaqa’ direttament f’ħoġor il-Prim Imħallef u/jew il-Ministru malli jsir l-ilment. Il-ħatra tal-Kummissarju għall-Istandards jikkrea dak il-pont ta’ lqugħ neċessarju biex jiġu mistħarrġa sew u b’dettall dak kollu li jista’ ma jkunx qed jidher miexi kif imiss fil-ġudikatura individwalment u kollettivament.

Saħaq li dan ikun qed isir b’aktar trasparenza u b’impenn dirett tal-persuna magħżula biex tassigura ġbir korrett u approfondit tal-fatti kollha xprunati minn kull kweżit u ilment qabel ma jsir rapport li fuqu jridu jieħdu deċiżjoni infurmata kif imiss il-Prim Imħallef u/jew il-Ministru tal-Ġustizzja. Saħaq li din mhix xabla fuq ras il-ġudikatura iżda għodda għall-għajnuna diretta lill-Prim Imħallef fl-amministrazzjoni tal-ġudikatura u biex jiġi assikurat li l-ġudikatura verament qed taqdi d-doveri tagħha bla ebda distinżjoni jew perċezzjoni ta’ preferenza bejn ġudikant jew ieħor jew sens falz ta’ immunità minn kull kontabbiltà.
Dwar dan il-Prim Imħallef żied jgħid li din wara kollox hi parti integrali mis-servizz fil-ħajja pubblika u ma għandha tagħti ebda sens ta’ apprensjoni jew tiġi meqjusa bħala xi forma ta’ theddid fuq l-indipendenza tal-ġudikatura għal min dejjem jaqdi dmiru kif trid il-Kostituzzjoni.
Qal li f-għażla ta’ dan il-Kummissarju hi fdata f’idejn il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li fl-għażla tagħha trid fil-fehma tiegħi tiżen sew min ser jokkupa l-kariga skont ma jipprovdu l-emendi, u aktar importanti l-karatteristiċi neċessarji u indispensabbli ta’ perċezzjoni ċara ta’ indipendenza, integrità, kapaċità professjonali u dik il-korrettezza fil-komportament u fl-għemil, indispensabbli biex il-pubbliku jkollu fiduċja li din ir-riforma jkollha suċċess u tidher li hi verament newtrali, imbegħda minn kull ħsieb jekk mhux dik fl-aqwa interess għall-amministrazzjoni retta tal-ġustizzja.
“L-appelli kostituzzjonali żdiedu mhux bl-għexieren iżda bil-mijiet”
Dwar dan , il-Prim Imħallef beda biex qal li l-ewwel lok għaż-żieda kbira f’dawn l-aħħar snin ta’ kawżi kostituzzjonali u b’konsegwenza ta’ dan, l-appelli kostituzzjonali żdiedu mhux bl-għexieren iżda bil-mijiet. Irrimarka li bl-emendi li saru fl-2021 s-sezzjonijiet tal-Qorti tal-Appell Ċivili u Kummerċjali żdiedu għal erbgħa u din flimkien mal-emendi proċedurali maqbula miż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti għamlet ħafna differenza għat-tqassim tal-appelli, fost emendi oħra konnessi, biex l-għoti ta’ sentenzi jsir fi żmien aktar raġonevoli anzi ngħid fi żmien ta’ xhur minn mindu jagħlqu l-proċeduri bil-miktub.
Irrimarka li jkun qed jonqos jekk jagħti l-mertu biss għall-għodda approvata mill-Parlament. Qal; “Il-ġieħ ma niħdux jien imma jmur lejn il-membri kollha tal-Qorti tal-Appell li ħadmu u jaħdmu bla heda u b’dedikazzjoni biex inżommu dan il-livell u din l-effiċjenża bla ma tonqos il-kwalità. Madankollu l-Qorti Kostituzzjonali hi magħmula minn sezzjoni waħda biss minn dawn l-erbgħa. Il-volum ta’ appelli hu kbir wisq biex tlaħħaq miegħu sezzjoni waħda iżda ma nistax bis-setgħa li għandi llum nassenja appelli kostituzzjonali lis-sezzjonijiet l-oħra kif isir fl-appelli ċivili u kummerċjali”.
Qal li dan hu frott klawsola partikolari fil-Kostituzzjoni li ma ssemmix li jista’ jkun hemm aktar minn sezzjoni waħda tal-Qorti Kostituzzjonali. Fisser li din il-klawsola saret fi żmien meta l-appelli kostituzzjonali kont tgħoddhom fuq subgħajk. Dwar dan, żied jgħid; “Għalkemm ili sentejn li pubblikament tkellimt fuq din is-sitwazzjoni, u għalkemm is-sezzjoni li tisma’ l-appelli kostituzzjonali ftit li xejn tagħmel appelli ċivili u kummerċjali kif kien isir sa ftit żmien ilu, il-volum ta’ l-fuq minn 300 appell kostituzzjonali pendenti u oħrajn ġodda deħlin kontinwament ma jistax jiġi assorbit minn sezzjoni waħda bl-ammonti dejjem jiżdiedu minn sena għal oħra”
“Il-maġistratura għandha sezzjoni li tiffoka biss fuq inkjesti maġisterjali komposta minn erba’ Maġistrati u l-fatti qed juru li kienet triq għaqlija”
Dwar dan, il-Prim Imħallef beda biex qal li; “il-maġistratura għandha sezzjoni li tiffoka biss fuq inkjesti maġisterjali komposta minn erba’ Maġistrati u l-fatti qed juru li kienet triq għaqlija u li ssarfet fi frott fejn l-inkjesti kollha inkluż dawk antiki qed jiġu proċessati mill-Maġistrati Inkwirenti b’riżultat pożittiv għal dak li hu għeluq tal-inkjesti mingħajr dewmien bla bżonn tenut kont ukoll l-emendi li saru dan l-aħħar”
Semma kif f’Settembru li għadda ġiet inawgurata l-binja fiċ-ċentru tal-Belt li fiha qed joperaw l-inkwirenti mgħammra mhux biss b’dak kollu ta’ bżonn għall-ħidma tagħhom f’ambjent dinjituż għalihom u għall-ħaddiema li jaħdmu f’dan il-qasam iżda wkoll għandha ir-reġistru tagħha fl-istess binja biex ma jkunx hemm aktar pressjoni fuq ir-reġistru tal-Qorti fil-binja tal-Qorti.
Ma’ dan, żied jgħid li l-fehma tiegħu hi li; “sa fejn possibli din hi t-triq li għandha tittieħed biex il-Qrati jkollhom aktar effiċjenża għax iffukati biss fuq dak li hi l-assenjażżjoni partikolari u kemm is-suċċess jew in-nuqqas fl-eżekuzzjoni tal-mansjoniijet jiġi attribwit direttament għal din is-sezzjoni partikolari. Il-pass li jmiss hu li l-Maġistratura Inkwirenti jkollha esperti impjegati full-time magħha, bħal tobba, inġiniera, avukati, persuni mħarrġa fit-teknoloġija informatika u fl-intelliġenza informatika, u periti arkitetti speċjalizzati fil-materja relatata mal-inkjesti.”
“Il-ġudikanti f’dawn id-diversi sezzjonijiet ta’ din il-Qorti qed jagħmlu l-almu tagħhom biex imexxu l-kwistjonijiet għal tmiemhom fi żmien raġonevoli”
Fid-diskors tiegħu għamel ukoll referenza għall-Qorti tal-Familja, fejn enfasizza li bħalissa hemm konsultazzjonijiet għaddejja fuq liġi ġdida tal-familja biex tirregola aħjar il-proċeduri konnessi ma’ kwistjonijiet ta’ din in-natura. Madankollu ta’ min igħid li bil-piz kollu mitfugħ fuq din il-Qorti kemm fl-aspetti ċivili u dawk ta’ natura kriminali, il-ġudikanti f’dawn id-diversi sezzjonijiet ta’ din il-Qorti qed jagħmlu l-almu tagħhom biex imexxu l-kwistjonijiet għal tmiemhom fi żmien raġonevoli. Ma rridux ninsew li din mhix Qorti bħal kull Qorti oħra.
Il-Prim Imħallef qal ukoll; “l-element uman, soġġettiv, personali u intimu jispikka fuq kollox f’dawn il-kawżi u l-ġudikanti li jisimgħu dawn il-proċeduri huma mgħobbija b’dover li mhux biss japplikaw il-liġi iżda jfittxu s-sew u l-aħjar b’ħafna dixxerniment u umanita’ għaċ-ċirkostanżi tal-każ li jkollhom quddiemhom speċjalment fejn hemm it-tfal.”
Il-Prim Imħallef għalaq d-diskors tiegħu billi rringrazzja lill-kollegi tiegħu ġudikanti li fil-maġġoranza tagħhom kienu ta’ għajnuna direttament u indirettament biex jagħtu sehemhom lis-soċjeta’ kif wara kollox hu dmirhom u li jagħmluh mhux għax imħallsin għalih biss iżda għax minn qalbhom iridu l-ġid lis-soċjetà.
Qal ukolll “Nirringrazzja lill-amministrazzjoni tal-Qorti li kemm jien u kemm il-kollegi tiegħi dejjem insibuhom lesti jisimgħuna u fejn possibli jgħinuna. L-istess ringrazzjament ukoll imur għal ħaddiema kollha li jaħdmu f’varji setturi tal-Qrati li f’ċirkostanżi diffiċli jippruvaw jagħtu sehemhom skont il-ħiliet tagħhom. Nirringrażżja wkoll lil ħaddiema assenjati magħna individwalment f’kull dover li għandhom li b’ħilithom u l-lealta’ tagħhom jagħmlulna ħidmietna anqas komplikata.”
Tenna billi rringrazzja lil Ministru tal-Ġustizzja li dejjem sema’ dak li hu f’isem il-ġudikatura kelli x’jissuġġerixxi għat-titjib tal-Qrati u diversi drabi aġixxa fuq dak li nkun issuġġerixxa. Temm jgħid; “Ma jfissirx li dejjem qbilna iżda dejjem kellna rispett reċiproku għal funzjonijiet kostituzzjonali rispettivi tagħna”