Saturday, December 21, 2024

Is-sistema tas-saħħa f’São Paulo f’xifer li tikkollassa

Aqra wkoll

São Paulo,  li hija l-akbar belt tal-Brażil, tinsab f’riskju li s-sistema tas-saħħa tagħha tikkollassa hekk kif id-domanda għas-sodod għall-pazjenti li qegħdin isofru mill-Covid-19 qiegħda kulma jmur tikber. Dan ħabbru s-Sindku tal-belt Bruno Covas. Covas tenna li l-isptarijiet pubbliċi laħqu 90% tal-kapaċità tagħhom u jistgħu jispiċċaw mingħajr spazju sa żmien ġimagħtejn. Huwa pubblikament ikkritika lil dawk il-persuni li injoraw is-sejħiet u r-regolamenti tal-lockdown u akkużahom li qegħdin jilagħbu “Russian roulette” bil-ħajjiet tan-nies. 

São Paulo huwa wieħed mill-iktar reġjuni li ntlaqat minn dan il-virus fejn s’issa kien hemm 3,000 fatalità. Matul il-jum tas-Sibt li għadda, il-Brażil qabeż lil Spanja u l-Italja biex b’hekk sar ir-raba’ l-iktar pajjiż li kellu infezzjonijiet. F’temp ta’ 24 siegħa l-ministru tas-saħħa rrapporta 7,938 każ ta’ infezzjoni ġdida biex b’hekk it-total issa huwa ta’ iktar minn 241,000 infezzjoni.
Huma l-Istati Uniti, ir-Russja u r-Renju Unit li għandhom iktar infezzjonijiet mill-Brażil. In-numru ta’ mwiet l-Brażil huwa ta’ 16,118 persuna; il- ħames l-iktar fid-dinja. Apparti dan kollu, l-esperti mediċi tal-Brażil qegħdin iwissu li n-numru reali ta’ infezzjonijiet probabbilment huwa ħafna iktar minn dak irrekordjat u dan minħabba li hemm nuqqas serju ta’ testijiet.

Ekonomija

Sport