Sunday, January 11, 2026

Is-sitt sena fejn ma ntilfux festi pubbliċi – 7 miljun jum ta’ leave addizjonali, jew medja ta’ 22 jum kull ħaddiem

Aqra wkoll

L-2026 hija s-sitt sena li fija l-ħaddiema Maltin u Għawdxin mhux se jitilfu festi pubbliċi għax dawn jinzertaw is-Sibt jew il-Ħadd. Filfatt kien fil-Baġit għall-2021, l-ewwel baġit ta’ Gvern immexxi minn Dr Robert Abela, li kien tneħħa l-provediment legali li kien daħal Gvern Nazzjonalista fl-2005 biex il-ħaddiema jiċċaħħdu mill-festi pubbliċi. 

Din is-sena l-ħaddiema se jingħataw 3 ijiem addizjonali mal-leave normali tagħhom biex jagħmlu tajjeb għal festi pubbliċi li se jinzertaw fil-weekend. Dawn jiżdiedu mad-19-il jum ta’ leave addizzjonali li ngħataw il-ħaddiema f’pajjiżna mill-2021’l hawn. 

B’kuntrast id-deċizjoni ta’ Gvern Nazzjonalista kienet waslet biex il-ħaddiema tilfu 60 jum mal-familji tagħhom, jew l-ekwivalenti ta’ aktar minn sentejn u nofs leave fis-sittax-il sena li kienet effettiva. Bħala medja l-ħaddiema tilfu 4 ijiem fis-sena, jew kważi ġimgħa leave fis-sena.

Bejn l-2005 u l-2020 intilfu aktar minn 12-il miljun jum ta’ leave, meta wieħed iqis kemm ħaddiema kull sena tilfu ġranet ta’ leave frott id-deċiżjoni tal-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi. Fid-diskors tal-baġit għall-2005, l-ewwel baġit wara d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, Lawrence Gonzi kien sostna li din id-deċiżjoni kienet importanti biex pajjiżna jkun aktar produttiv u kompettitiv. Skont il-Gvern Nazzjonalista din id-deċiżjoni kienet il-bażi ta’ patt soċjali ġdid u kienet bidla “fl-interess tagħna u tal-ġenerazzjonijiet futuri tagħna”. 

Fir-realta din id-deċiżjoni kienet waħda ta’ awsterita, għax it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna kien staġna, waqt li l-qgħad tant kien żdied li għal kull job vacancy kien hemm sebgħa persuni jirreġistraw għal impjieg. Id-deficit tal-Gvern kien 9.6% tal-ġid nazzjonali, u l-prodott gross domestiku kien żdied b’0.6% biss dik is-sena. 

Jekk wieħed jikkwantifika l-leave mitluf bejn l-2005 u l-2020, billi juża l-paga medja ta’ kull sena, isib li l-ħaddiema f’dawn is-sittax-il sena tilfu kważi €706 miljun f’xogħol li kellhom jagħmlu mingħajr ma tħallsu għalih. Li jfisser li bħala medja kull sena l-ħaddiema nsterqu madwar €44 miljun minħabba d-deċizjoni tal-Gvern Nazzjonalista, jew medja ta’ €213 fis-sena kull ħaddiem. 

B’kuntrast bid-deċiżjoni ta’ Dr Robert Abela l-ħaddiema f’pajjiżna bejn l-2021 u l-2026 se jkunu għaddew kważi 7 miljun jum aktar mal-familji tagħhom. Għal dawn il-jiem ma’ familtom, il-ħaddiema se jkunu tħallsu €629 miljun f’pagi. Li jfisser li f’sitt snin, Dr Robert Abela se jkun għamel tajjeb għal kważi 90% tat-telf finanzjarju kollu li soffrew il-ħaddiema matul is-sittax-il sena ta’ qabel.

Din is-sena biss il-ħaddiema mistennija jitħallsu madwar €105 miljun f’pagi u allowances minkejja li se jkunu leave minħabba festi pubbliċi li nzertaw f’weekend. Li tfisser medja ta’ €304 għal kull ħaddiem f’pajjiżna.

L-aktar li gawdew il-ħaddiema mid-deċizjoni ta’ Dr Robert Abela kien propju fl-2024, meta ngħataw 6 ijiem addizjonali ta’ leave. Dakinhar kienu ħadu l-ekwivalenti ta’ €550 f’pagi mħallsa xorta minkejja li kienu leave minħabba festi pubbliċi matul il-weekend. B’kollox fuq sitt snin il-ħaddiema se jkunu gawdew l-ekwivalenti ta’ kważi elfejn ewro f’pagi u allowances mħallsa għal jiem ta’ leave addizjonali.  

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport