Sunday, November 3, 2024

Is-sitwazzjoni ambjentali fl-Awstralja tinsab “fi stat xokkanti”

Aqra wkoll

Rapport ippubblikat ġewwa l-Awstralja sab li s-sitwazzjoni ambjentali ġewwa dan il-pajjiż tinsab fi stat xokkanti u mistennija li tkompli sejra lura. 

Dan l-istudju – li jsir kull ħames snin – juri kif sistemi ekoloġiċi qegħdin ikunu affettwati b’mod negattiv ħafna mit-tibdil fil-klima, telf ta’ abitat, invażjoni ta’ speċi aljeni kif ukoll mit-tniġġis tal-minjieri. Ir-rapport jgħid ukoll illi dan it-theddid mhux qiegħed ikun miġġieled b’mod effettiv u b’hekk dan se jkompli jikkawża iktar problemi fil-futur. 

Fi ftit kliem, dan ir-rapport ta’ 2,000 paġna sab li: 19-il ekosistema jinsabu f’riskju ta’ kollass; Fl-Awstralja hemm iktar pjanti mhux nativi milli dawk nativi; L-Awstralja tilfet l-ikbar ammont ta’ speċi mill-kontinenti kollha tad-dinja; Kull kategorija – apparti waħda – marru lura ħafna mill-2016 u nofshom huma kkunsidrati li jinsabu fi stat “fqir”.

Fid-dawl ta’ dan, il-Ministru tal-Ambjent Tanya Plibersek qalet li jekk l-Awstralja tibqa’ għaddejja b’dan ir-ritmu, annimali, pjanti u postijiet li jiġuk mill-ewwel f’moħħok malli ssemmi l-Awstralja mhux se jibqgħu jiġu gawduti mill-ġenerazzjonijiet li ġejjin. 

F’dawn l-aħħar snin l-Awstralja ġarrbet ħafna f’dak li hu ħsara ambjentali u dan kien dovut l-iktar minħabba n-nixfa severa, nirien bla preċedent, għargħar kbir f’ċertu nħawi kif ukoll sitt avvenimenti kbar ta’ bleaching fil-Great Barrier Reef.

Sport