Jingħata kumpens ta’ €7,500 fuq terminazzjoni inġusta mill-impjieg
“Is-sitwazzjoni unika u eċċezzjonali li ħolqot il-pandemija ma tistax tintuża biex tinħoloq sensja. Sensja waħda. Sensja paraventu biex neħilsu minn ħaddiem. Ikun preċedent perikoluż jekk dan jitħalla jsir. Il-kumpanija abbużat mill-fiduċja sħiħa li l-ħaddiem kellu lejha wara 15-il sena ta’ servizz tajjeb u bla ebda każ ta’ dixxiplina.”
Iddikjara dan it-Tribunal Industrijali f’kawża li fiha ordna lill-kumpanija Alexandra Palace Ltd tħallas is-somma ta’ €7,500 lil Alexander Cacciattolo fuq terminazzjoni inġusta mill-impjieg.
Mill-provi li tressqu quddiem it-Tribunal, irriżulta li meta faqqgħet il-pandemija, il-lukanda kellha tagħlaq u offriet xogħol alternattiv lill-ħaddiema kollha. Il-ħaddiem involut xtaq li joħroġ bil-leave u joqgħod id-dar għax kien ibati bl-ażma. Huwa ma kienx dikjarat uffiċjalment vulnerabbli iżda martu kienet.
Huwa kellu diskussjoni ma’ Julianne Muscat, li kienet responsabbli mir-riżorsi umani tal-lukanda, b’mod speċjali fuq il-wage supplements li kien għadu kif introduċa l-Gvern. Kien hawn fejn il-verżjonijiet mix-xhieda ma qablux.
Muscat qalet li kien Cacciattolo li qalilha biex titterminalu l-impjieg għax jaqbillu finanzjarjament u li jerġa’ jidħol fl-impjieg meta s-sitwazzjoni titjieb.
Min-naħa l-oħra, ir-raġel xehed li hi qaltlu li biex jieħu l-wage supplements tal-Gvern irid jiġi tterminat u jibda jirreġistra bil-patt li jkompli jaħdem wara.
Dan kollu sar fuq it-telefown u r-raġel kellu l-impjieg tiegħu tterminat fis-27 ta’ Marzu 2020 bir-raġuni tkun sensja.
Ġara li s-sitwazzjoni tal-pandemija tjiebet u kien se jiftaħ l-ajruport fl-1 ta’ Lulju u l-kumpanija kienet se tiftaħ il-lukanda fl-istess data. Fil-15 ta’ Ġunju, Muscat ċemplitlu biex tara jekk iridx jidħol fl-1 ta’ Lulju u kkonferma li iva kien lest li jidħol.
Fid-29 ta’ Ġunju 2020, Muscat reġgħet ċemplitlu imma biex tgħidlu li ma kienx hemm xogħol għalih għaliex kien hemm ħafna ħelu lest fil-friża. Qaltlu wkoll li jekk fil-futur jerġa’ jkun hemm lok għal dulċier tikkuntattjah.
Fit-Tribunal ingħad ukoll li Cacciattolo ma kienx imur tajjeb mad-Diretturi tant li fix-xhieda tiegħu, wieħed mill-kollegi tiegħu kkonferma l-intimidazzjonijiet, l-għajjat u theddid fil-konfront ta’ sieħbu.
Mix-xhieda fil-kontroeżami ta’ Muscat, ħareġ ukoll li hi kienet applikat għall-wage supplements tal-Gvern għall-ħaddiema imma Cacciattolo kellu l-impjieg diġà tterminat.
Fid-deċiżjoni tiegħu, it-Tribunal Industrijali nnota nuqqas ta’ professjonalità u possibilità ta’ abbuż kif ġie ggwidat ir-raġel mill-uffiċjal tar-riżorsi umani, li l-persuna kienet tokkupa l-pożizzjoni ta’ Direttur mal-kumpanija.
“Ir-rikorrent kellu fiduċja sħiħa fil-kumpanija u partikolarment f’din id-Direttur. Terminazzjoni li saret fuq it-telephone. Konvenjentement xejn bil-miktub,” qal it-Tribunal. “Il-wage supplements tal-Gvern qatt ma kienu possibbli jekk xi ħadd jittermina l-post tax-xogħol tiegħu.”
It-Tribunal innota wkoll li d-diskors f’Marzu minn din id-Direttur ma’ ħaddiema oħra kien differenti. “Tagħthom għażla bejn iżommu l-kundizzjonijiet u jagħmlu xogħol ieħor jew jaqgħu fuq il-wage supplement. Iżda mhux li jitterminaw l-impjieg ħalli jkunu jistgħu jikkwalifikaw għall-wage supplement.”
It-Tribunal tenna li l-pożizzjoni tal-kumpanija rigward ix-xogħol tal-ħelu mhix konvinċenti. “Qisu dan ix-xogħol kien spiċċa għal perjodu twil indefinit. Apparti li fil-proċess ħareġ li r-rikorrent kien u seta’ jintuża għal xogħol ieħor fil-kċina.”
Kien għal dawn ir-raġunijiet, li t-Tribunal iddeċieda fuq terminazzjoni inġusta u ordna lill-kumpanija tħallas lil Cacciattolo s-somma ta’ €7,500.