Kienet xi ħaġa komuni għal dawn l-aħħar 17-il sena fl-Afrika t’Isfel li b’mod regolari u sigħat twal jispiċċaw bla elettriku. Konsegwenza ta’ dan fil-pajjiż saru diversi protesti, iżda issa jidher li s-sitwazzjoni tal-enerġija tranġat hekk kif ilu minn Marzu ma jinqata d-dawl.
Sizeka Rashamos, sid ta’ restorant li jinsab fil-kapitali Johannesburg qalet li jidher li s-sitwazzjoni tranġat ħafna għalkemm ammettiet li l-Gvern u l-Awtoritajiet ma qalux x’kienet il-problema biex għall-aħħar 17-il sena kienu qegħdin jispiċċaw bla elettriku. Hija qalet li issa qed ikun hemm aktar nies li jmorru fir-restorant tagħha u b’hekk tista’ timpjega aktar ħaddiema.
Is-sid tar-restorant kienet ġie intervistat mill-aġenzija tal-aħbarijiet BBC f’Marzu tas-sena li għaddiet meta kienet qalet li “l-elettriku hu kollox għan-negozju tagħha. Ninsab veru stressjata… Spiċċajna bla flus minħabba l-qtugħ tad-dawl. Kullimkien dlamm ċappa. Ma naħsibx li nista’ nsalva n-negozju tiegħi u wara 25 sena se jkolli nagħlaq ir-restorant.”
Il-ġurnalista reġa’ mar jitkellem ma’ Rashamos fejn issa qaltlu li s-sitwazzjoni hija ħafna aħjar fl-aħħar xhur. “Qed ikolli ħafna klijenti l-aktar filgħaxija. Nista’ nikkonferma li se nibqa’ miftuħa u m’għandi l-ebda pjani li nagħlaq in-negozju tiegħi,” tenniet sid ir-restorant.
Il-problemi fl-enerġija fl-Afrika t’Isfel bdew fl-2007 meta kontinwament kien qiegħed jinqata l-elettriku. Skont riċerka li saret aktar minn nofs il-ġranet tas-sena l-pajjiż b’mod speċjali fil-kapitali kienu qegħdin jispiċċaw mingħajr elettriklu.
Kien f’Lulju tal-2022 meta l-President Cyril Ramaphosa ħabbar li kien sar pjan ta’ azzjoni għal enerġija. Fi Frar li għadda l-President kien iddikjara stat ta’ diżastru nazzjonali minħabba s-sistema tal-elettriku. Kien hawn li l-President kien ħatar lil Kgosientsho Ramokgopa bħala Ministru tal-Enerġija fuq il-wegħda li s-sitwazzjoni se tmur għall-aħjar.