Friday, July 25, 2025

IS-SKIET QATT MHU SOLUZZJONI … BŻONN TA’ RISPOSTI PROPORZJONATI GĦALL-MASSAKRU F’GAŻA

Aqra wkoll

Fl-aħħar kiem faqqsu ħafna ilħna ġodda li bdew jitkellmu dwar il-kriżi umana f’Gaża. Ovvjament il-kriżi f’Gaża ma faqqgħetx issa. Dan il-poplu ilu għaddej minn tbatija kbira. Poplu li sofra inumanità bla qies. Attakki mill-ajru. Intużat il-forza fuqhom. L-ikel u għajnuna oħra sfaw imblukkati. B’konsegwenza ta’ dan rajna tfal u persuni oħra imutu b’nuqqas ta’ ikel. Kellna sitwazzjoni fejn il-ġuħ intuża bħala arma tal-gwerra.

Rajna nies li jmorru jistennew fi kjuwijiet għall-ikel. Marru biex jieħdu xi ħaġa għalihom u għal uliedhom u spiċċaw maqtulin. Sparaw fuqhom. Traġedja li ilha għaddejja. Traġedja, li kif għidna b’editorjali oħra, dejjem intlaqgħet bi skiet kbir. Kemm minn pajjiżi kbar u influwenti u anke mill-Unjoni Ewropea u mill-Parlament Ewropew. Kriżi li dwarha messhom ilhom isiru dikjarazzjonijiet qawwija. Messhom ilhom li ttieħdu azzjonijiet.

U issa qegħdin naraw persuni b’diżabilità imutu bil-ġuħ. Tfal għadma u ġilda kważi skeletri. Trabi imutu. Ħerba. Kollass. Bla dinjità.

Proprju fil-bidu ta’ Mejju inqatel il-kollega, Yahya Sobeih. Ġurnalist. Dejjem lest li jgħin. Dejjem lest li jwassal dak li jkun għaddej u dak li jkun qed jesperejnza l-poplu Palestinjan f’Gaża. Kien determinat li jibqa’ jwassal dak li kien għaddej. Meta tkellimna miegħu kien jispjega it-traġedja. Għadda minnha hu ukoll. Kien għadu kif kellu tarbija.  Spiċċa maqtul.  It-traġedja umana f’Gaża, allavolja qiegħda ‘lbogħod minna, qed tolqot il-qlub ta’ ħafna. 

Imma minkejja dan jibqa’ jispikka s-skiet. Skiet skandaluż.  Xi kultant qegħdin naraw xi dikjarazzjoni ‘hemm u ‘lhawn minn xi politiċi Ewropej imma ma naraw ebda azzjonijiet konkreti. Dan meta ilna ngħidu li issa m’għadux iż-żmien li jsiru dikjarazzjoni jew li wieħed jesprimi r-rabja. Illum hemm bżonn azzjonijiet konkreti. Azzjonijiet li jaqtgħu fil-laħam il-ħaj. Kif jistgħu l-pajjiżi u l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tagħhom jibqgħu gallarija. Iħarsu. Kultant ilissnu xi kelma u daqshekk. 

Li ddaħħal il-ġuħ u l-għatx mal-vjolenza bla qies ta’ assedju li ilu għaddej minn Iżrael fuq Gaża, issa jitlob li kellhom jittieħdu risposti proporzjonati mill-komunità internazzjonali anki mill-Unjoni Ewropea.  Risposti li jridu jkunu proporzjonati għall-iskala tal-massakru li għaddej. Dan ifisser sanzjonijiet kemm politiċi, diplomatiċi, ekonomiċi u kulturali. Niftakru kif ittieħdu sanzjonijiet immedjati kontra r-Russja meta saret l-invażajoni, iżda fuq dak li qed isir f’Gaża, xejn. 

Illum konvinti aktar minn qatt qabel, li kollox miexi lejn il-qerda totali ta’ Gaża. Illum l-għadd ta’ imwiet dalwaqt se jaqbeż is-60,000 persuna.  Dan apparti dawk midrubin serjament u oħrajn li baqgħu b’diżabilità. Dawn huma nies li se jġorru l-marki ta’ bumbardamenti għall-bqija ta’ ħajjithom. Ġenerazzjoni sħiħa vittmi ta’ imblokk bla ħniena u l-użu sproporzjonat tal-forza. 

Illum qabel għada hemm bżonn azzjoni. Azzjoni li tipproteġi lil dan il-poplu. Kemm se ndumu naraw tfal żgħar jibku biex xi ħadd itihom ftit ikel? Kemm se ndumu naraw tfal b’dawk ir-reċipjenti f’idejhom jitkarrbu għal ikel?  Kemm se ndumu naraw tfal kollhom dmija? Oħrajn f’agunija. Kemm se ndumu naraw immaġini ta’ tfal imkeffnin, innoċenti maqtulin?

U donnu dan ma kienx biżżejjed. Wara imblokk li ħoloq ġuħ kbir, kien hemm il-manipulazzjoni skandaluża bejn l-Istati Uniti u Iżrael fejn tidħol l-għajnuna umanitarja. Waqqfu struttura li kellha tagħti l-ikel. Illum minn dak li qegħdin naraw u minn dak li jingħad mill-Palestinjani stess, id-distribuzzjoni tal-ikel hi insuffiċjenti ħafna u kaotika. Agħar minn dan spiss qed tirriżulta f’tixrid ta’ demm. Immaġinaw ftit tmur fil-kju għal ftit ikel kemm titrejjaq u tispiċċa kif jgħid il-Malti id-dinja l-oħra għax jisparaw fuqek.

U nemmnu li dan li qed isir mhux b’kumbinazzjoni. Mhux sforz ċirkostanzi. Qegħdin naraw kif Iżrael bid-dominanza militari tiegħu, appoġġjat u mgħejjun mill-Istati Uniti, qiegħed jiknes lil Gaża biex din issib inabitabbli u finalment tgħib għal kollox.  Dan bi ksur kostanti tal-liġi internazzjonali u umanitarja. 

Nemmnu li  Iżrael ilu li eżawrixxa d-dritt leġittimu għall-awtodifiża li ġie rikonoxxut wara l-attakk terroristiku orribbli tas-7 ta’ Ottubru. Il-kuraġġ issa jitlob sejħa għall-ordni espressa permezz ta’ azzjonijiet ugwali għall-massakru attwali.  

U iva hemm pressjonijiet biex dan il-massakru jibqa’ għaddej. Biex finalment Gaża tispiċċa. L-għażla m’għandhiex tkun is-skiet jew li nibqgħu gallarija. L-għażla għandha tkun li tittieħed azzjoni biex jitwaqqaf dan il-massakru. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport