Tingħata l-aħħar tislima lil Sammy Sammut, ġurnalist veteran b’qalb tad-deheb
Ritratti – ROGER AZZOPARDI | Filmat – ALAN SALIBA
Il-ġemgħa preżenti fil-Knisja ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun infexxet f’ċapċipa waħda u twila hekk kif it-tebut ta’ Raymond Sammut kien qed jinħareġ u ġie mdawwar biex iħares lejn l-istatwa tal-qaddis li tant kien iħobb.
Sammy, kif kien magħruf mal-ħbieb tiegħu, ingħata l-aħħar tislima mill-familjari, kollegi u eks-kollegi fi ħdan il-GWU u l-Union Press fejn kien jaħdem u ħbieb partikolarment dawk li kienu jiffrekwentaw il-każin tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu.
Sammut, li kellu 66 sena u kien joqgħod il-Marsa, kien magħruf bħala wieħed mill-iktar ġurnalisti veterani imma minbarra l-kapaċitajiet f’xogħlu jibqa’ magħruf għall-għajnuna li kien jagħti lil dawk li b’mod jew ieħor ġew bżonnu.

















Fost dawk preżenti kien hemm is-Segretarju Ġenerali u d-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja u Kevin Camilleri, il-Kap Eżekuttiv tal-Union Press Omar Vella, is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista, l-Imħallef Toni Abela u l-President tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu Nigel Vella.
Wara li nħareġ mill-knisja l-karozza li kien fiha t-tebut waqfet quddiem il-każin ta’ San Gejtanu għal ftit tas-sekondi li kien magħluq b’sens ta’ rispett lejh.
Il-bandiera tal-każin tniżżlet mezzasta waqt li l-faxxa sewda mal-bieb ukoll kienet espressjoni ta’ rispett lejn Sammut li għamel żmien iservi wkoll fil-kumitat u ħalla diversi ħbieb.
