Thursday, September 4, 2025

Is-Snajja’ Maltin: Wirt li Qiegħed Jintilef Malajr

(L-Ewwel Parti)

Aqra wkoll

L-Ewwel Parti:

Għal sekli sħaħ, is-snajja’ kienu parti essenzjali mill-ħajja u l-identità tal-poplu Malti. Minn funderiji tal-metalli, inċiżjonijiet u lavur fuq ġebel, kaħħala, tessuti u ħjata tradizzjonali, li jgħaddi l-elettriku u pajpijiet tal-ilma, welders u tat-tornijiet, injam u sa xogħol delikat ta’ filigree u ħġieġ, dawn il-ħiliet u oħrajn kienu jgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra b’passjoni, b’dedikazzjoni u b’wirt. Dan il-wirt jissejjaħ l-iskola tat-triq fejn is-sengħa tiffjorixxi b’żgħażagħ ġodda biex it-tradizzjoni Maltija tkompli għaddejja.

Sfortunatament maż-żmien l-iskola tat-triq bdiet tintilef u tispiċċa. Bejn in-nies bdew ifittxu xogħol li jġib aktar flus u bejn l-ekonomija Maltija bdiet tbiddel bixritha, wassal biex is-snajja’ jmutu b’mewta naturali u inġusta fosthom :

  • • Il-landier, li b’mod professjonali jsewwi oġġetti tal-landa bħal borom, bramel, taġnijiet u friskaturi b’saldatur żgħir u ftit stann. Il-landier kien isorġi fuq banketta f’kantuniera u jsewwi l-oġġetti li kienu jġibulu n-nies. Kien idur bieb bieb jagħmel tiswijiet fuq il-post mingħajr ma jintrema l-oġġett antik. 
  • • Is-sinni hija sengħa tradizzjonali antika. Is-sinni jsinn oġġetti li jaqtgħu jew bil-ponta bħal xfafar u skieken tal-kċina u strumenti oħra billi jsinn il-ġnub tal-oġġett biex jiġi jaqta’ aktar. Din il-ħila titwettaq fuq rota tal-ġebel magħmula miż-żnied li ddur manwalment, magħrufa bħala rota tas-sinna. Ġieli l-parruċċani kienu jkunu jridu skieken ġodda u minn biċċa ħadida ħoxna mormija, is-sinni kien isawwar sikkina li tintuża fil-kċina jew xi minġel għall-ħaxix fl-għelieqi. Barra minnhekk, minn sikkina li mhux se jkollha aktar użu, is-sinni kien jirriċikla s-sikkina l-antika f’oħra li tkun iżgħar mit-tul jew mill-wisa’. 
  • • L-iskarpan isewwi żraben b’mod tradizzjonali bħal tiswija ta’ suletti, tiswija ta’ żippijiet, tiswijiet fil-qiegħ taż-żarbun u l-famuża takkuna. Isewwi wkoll basktijiet tal-ġilda u ċintorini. Hi sengħa ta’ ħila teknika u arti fl-istess ħin.
  • • It-tennies: sengħa li tinvolvi t-tnixxif tal-ħjut biex jinħolqu drappijiet fuq newl. Din kienet tinħadem fuq magna bi struttura tal-injam li tiġi mħaddma bl-idejn, b’ħila u paċenzja kbira. Kienu jsiru kutri, tvalji, twapet u drappijiet oħra. Min jaħdem in-newl jissejjaħ tennies (raġel) jew tenniesa (mara). It-tennies kien jgħaddi l-ħjut b’mod regolari biex joħloq mudelli sbieħ. 
  • • Il-bizzillier huwa dik/dak li jaħdem il-bizzilla. Din hija arti tradizzjonali fejn jinħadem drapp fin u delikat bl-użu ta’ ħajt irqiq. Il-bizzilla tinħadem fuq ċilindru magħruf bħala trajbu. Din is-sengħa kienet popolari fost in-nisa, speċjalment fl-irħula Maltin. Min jaħdem il-bizzilla jissejjaħ bizzillier (raġel) jew bizzilliera (mara). Il-mudelli li kienu jinħadmu fuq it-trajbu jinkludu fjuri, weraq u forom ġeometriċi sbieħ li jiffurmaw tvalji u anke ħwejjeġ. Illum hija sengħa rari ħafna iżda għadha titqies bħala parti mill-wirt kulturali Malti.
  • • Il-filigranist: is-sengħa tal-filigranu hija waħda mis-sengħat l-aktar fini, preċiżi u prezzjużi fil-ġojjellerija tradizzjonali Maltija. Din is-sengħa tinvolvi l-użu ta’ wajers irqaq ħafna tal-fidda jew tad-deheb li jiġu mibrumin u maħdumin bl-idejn biex jinħolqu disinji delikati. Il-filigranu spiss jintuża biex jissawru ganutell, ġiżirani, ċrieket u kuruni ta’ valur kbir. Il-mudelli spiss jinkludu fjuri, spiralli u forom simetriċi. Din is-sengħa għadha meqjusa bħala arti prestiġjuża. Illum hija rari ħafna imma għadha tidher f’ġojjellerija tradizzjonali Maltija speċjalment waqt il-festi jew f’oġġetti reliġjużi.

Hija sfortuna li ħafna mis-snajja’ ma ntirtux għall-ġenerazzjoni l-ġdida. L-era industrijali serqet ħafna mis-sengħat tradizzjonali ta’ missirijietna. F’bosta sengħat, bla ma jafu missirijietna kienu diġà jħaddmu l-ekonomija ċirkulari. Kieku salvajna s-snajja’, illum konna nkunu l-għira u mudell għad-dinja fuq ekonomija ċirkulari

Ekonomija ċirkulari tfisser li jtnaqqas l-iskart u jirriċikla ruħu f’riżorsa b’mod effiċjenti u jerġa’ jinbiegħ bi prezz baxx fis-suq lokali.

L-ekonomija lineari: Ħu → Agħmel → Uża → Armi

L-ekonomija ċirkulari: Ħu → Agħmel → Uża → Irrepara → Uża mill-ġdid → Irriċikla

Illum huwa tard wisq li nqajmu dik is-sengħa li spiċċat għalkollox. Huwa tard wisq li s-soċjetà terġa’ tħaddan l-ekonomija ċirkulari ta’ dari. Is-suq modern, l-ekonomija żviluppata bit-teknoloġija u l-ekonomija lineari ġabu l-poplu għażżien u jrid kollox lest. Sirna poplu bla paċenzja, qatt mhu sodisfatt u rridu kollox mil-lum għal-lum. Eżempju ċar huwa li ħafna mill-prodotti jintużaw darba biss u jintremew. 

Jekk tiġbed ritratt tal-ekonomija bħalissa, issib li jeżisti vakum tradizzjonali ekonomiku. Dan ifisser li qalb in-negozjanti hemm ġirja sfrenata biex jinstabu nies Maltin biex jaħdmu fi snajja’ differenti però ħadd mhu qed jersaq jew jinstab biex jimla dan il-vojt. Anzi dan il-vakum qed jikber aktar. It-teorija tiegħi hi li la jibqa’ ġej il-prodott minn barra, qatt mhuma se jittieħdu azzjonijiet drastiċi biex jimtela dan il-vojt. Jekk nibqgħu bl-idea “jekk hawn fis-suq ħallih isuq”, dawn l-ispazji vojta fl-ekonomija Maltija qatt mhuma se jimtlew jew jirritornaw lura fl-ekonomija żviluppata kif inhi llum.

L-ekonomija lineari ħalliet lill-poplu Malti mimli sodisfazzjon kbir. Ħadd mhu qed jinduna li minn mument għal ieħor se jiġri bħall-istorja ta’ Trojja – nitilfu dak li jagħmilna Maltin. Diġà s-suq Malti huwa maħnuq bil-prodott barrani fosthom nsibu ħafna barranin f’bosta xogħlijiet, fid-distribuzzjoni tal-ikel, ħwienet, amministrazzjoni u fil-kreattività ta’ bosta prodotti tradizzjonali Maltin. Inħoss li ġid barrani ħoloq kompetizzjoni fuq is-snajja’ lokali. Il-materja prima li tinxtara hija ferm ogħla mill-prodott lest li jinġieb minn barra. Dan wassal biex il-prodott barrani beżaq u qered din is-sengħa tradizzjonali bil-mod ta’ kompetizzjoni li l-ebda sengħa Maltija ma tista’ tieħu r-ruħ.

L-ekonomisti rraġunaw li Malta ma kinitx ippreparata għal dan it-tkabbir fl-ekonomija. Allura rraġunaw li jinfetħu s-swieq barranin u jinvestu f’Malta bix-xogħol u prodotti barranin biex ilaħħqu mad-domanda li splodiet. Però, dan fetaħ il-bibien biex ħafna mill-artiġjanat flok jinħadem hawn Malta, jiġi lest minn barra bi prezzijiet irħas. B’hekk nista’ ngħid – kontra qalbi – li filwaqt li bl-ekonomija miftuħa nħoloq dak il-bilanċ meħtieġ biex l-ekonomija tkompli tespandi mingħajr ma titfa’ prezzijiet għoljin fis-suq li jbażwru liċ-cittadin, il-prodott Malti spiċċa eżiljat u mwarrab mis-suq lokali. 

Din ir-revoluzzjoni ekonomika f’Malta ħalliet impatt kbir fuq is-snajja’ Maltin kif ukoll ħalliet impatt qawwi fuq l-ambjent li ngħixu fih. L-ekonomija lineari qiegħda toħloq skart b’mod allarmanti. Għalkemm l-iskart qed jiġi rriċiklat u li ħafna mill-materjal dieħel lura fl-ekonomija lokali jew qed jiġi esportat lejn pajjiżi oħra, xorta hemm prodotti li qatt ma jistgħu jidħlu f’din l-ekonomija ċirkulari għaliex huma ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem. Dan qed iġib piż kbir fuq il-pajjiż peress li l-art fejn tista’ tarmi huwa limitat. Aktar kemm l-ekonomija tikber, dawn il-fatturi ħżiena se jiżdiedu wkoll.

Ġieli ħsibt għalxiex għandna bżonn insaħħu l-pilastri tas-snajja’ Maltin? Qatt ħsibt li fid-dawl tal-konflitti internazzjonali, is-suq barrani jista’ jwaqqaf kull importazzjoni lejn pajjiżna? Kieku jiġri dan, Malta tieħu tisbita kbira ekonomikament u l-poplu se jispiċċa jbati l-ġuħ li huwa stess bħala nazzjon ħaffer għalih. Huwa importanti li llum qabel għada nibdew bis-serjetà naħsbu għal struttura indipendenti minn kull tip ta’ ekonomiji barranin. Għandna nħarsu lejn liema pilastri huma importanti biex il-poplu jibqa’ għaddej bir-rutina normali f’każ li s-suq internazzjonali jkollu jwaqqaf kull riforniment lejn Malta. L-istat irid jibda jaħseb għal sussidji fuq il-materja prima jew li taxxa fuq l-importazzjoni tal-materja prima titneħħa minn kull fejn hi ġejja. Tkun ta’ nifs ġdid għas-snajja’ jekk it-taxxa titneħħa minn fuq kull prodott lokali għall-bejgħ, imma prodotti impurtati li jkunu tal-istess għamla u kategorija li jinbiegħu mill-ħwienet artiġjanali jkollhom taxxa imposta fuqhom li titħallas minn min jimpurtahom u min jixtrihom. B’dan il-mod, il-prodott lokali jerġa’ jsib ruħu fis-suq tagħna bi prezz li jilħaq lil kulħadd.

Nisħaq li din il-viżjoni mhix tal-popolin biss imma hija xi ħaġa olistika li trid tibda mill-awtoritajiet bi pjan fit-tul, b’diskussjonijiet serji biex ma jkollniex xokkijiet fl-ekonomija u fil-ħajja tal-poplu Malti. Fuq kollox, insalvaw is-snajja’ li hawn illum għal għada, għall-futur ta’ pajjiżna, għaliex is-sengħa hija s-sinsla tas-soċjetà Maltija. Madankollu, is-sengħa li tilfet kull ħajja, hija ħasra li ser tibqa’ biss parti importanti mill-istorja u mill-wirt kulturali Maltin.

Miktub minn Tonio Zammit, Qari tal-Provi minn Paula Camilleri.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport