Bħala poplu Malti sirna indipendenti fuq is-suq barrani. Fl-istess nifs iżda, ingergu għall-barranin: li ma nistgħux niftiehmu, li ħakmu pajjiż u li kważi ħadu kollox taħt idejhom. Il-mistoqsija hija: x’kienu l-iżbalji biex wasalna biex tlifna parti kbira mis-sinsla ta’ pajjiżna? Għaliex qed inħallsu barrani biex jagħmel xogħol li kulturalment huwa artiġjanat Malti? Għaliex domna ma ndunajna bit-tmermir fil-pedament li sa ftit ta’ snin oħra, jekk ħadd mhu se jintervjeni, se nitilfuh kompletament?
L-akbar żewġ frejjeġ li saru minn gvernijiet qabel l-2013 kienu l-għeluq tal-iskejjel tas-snajja’ u x-xoljament tat-tarzna. F’dan iż-żmien, kont ktibt fuq il-midja soċjali li sar sagrileġġ kardinali kbir u li ħadd ma kien kapaċi jdur mal-problema. Ħadd ma ried jisma’ l-għajta ta’ poplu fejn uriet biċ-ċar li b’dan il-pass kien ser ikollna nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa. Illum, l-għajta tal-poplu hija, “Ejjew insalvaw is-snajja’ ta’ għada”.
Imma qabel ma naraw kif se nsolvu din il-problema, irridu bħala nazzjon nirrikonoxxu t-tliet żbalji kardinali li wasslu lis-soċjetà togħtor fuq irkupptejha u kif spiċċajna bla nies artiġjanali Maltin.
L-għeluq tal-iskejjel tas-snajja’ kien żball fis-sistema edukattiva. Kien żball li l-edukazzjoni qatt ma rrikonoxxiet li kulħadd għandu abbiltajiet differenti. Huma b’dawn l-abbiltajiet differenti li s-soċjetà timxi ’l quddiem. Bħalma hemm persuni li huma kapaċi fl-abbiltajiet akkademiċi, hemm faxxa ta’ nies oħra li huma kapaċi għal snajja’ u arti differenti.
Is-snajja’ mhumiex diżunur imma professjoni
L-idea bażwija kienet li kulħadd tqiegħed f’miżien wieħed jew fuq xkaffa waħda. Ngħidu aħna, jekk dak iż-żmien kellna bżonn accountants, allura ngħalaq kollox – anke korsijiet oħra – biex kulħadd imur jistudja għal accountant. Avolja dan huwa biss ezempju, dan it-tip ta’ mossa ġab nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa. Issa li l-froġa saret, ma nistgħux nibqgħu nħarsu lejn x’ġara fil-passat jew inħarsu mill-gallarija sakemm il-bajtra taqa’ f’ħalqna. Hemm bżonn ta’ azzjoni urġenti. L-aħjar soluzzjoni hija li filwaqt li l-awtorità tħares lejn l-edukazzjoni bħala l-qofol ta’ kollox, l-iskejjel tas-snajja’ jridu jiġu inkorporati bħala skola ta’ edukazzjoni! Allura jrid ikun hemm żwieġ komuni bejn is-snajja’ u l-edukazzjoni. Hemm bżonn li s-snajja’ jkunu parti mill-edukazzjoni li tista’ twassal sa professjoni, b’ċertifikazzjoni akkademika, anke internazzjonalment. B’hekk, il-valur tax-xogħol miżjud ikun imsaħħaħ bi professjoni.
Bħalissa l-gvern qed jaċċellera biex jiftaħ l-ewwel skola tas-snajja’. Jiena favoriha u fl-istess ħin, xorta ftit xettiku minħabba li jekk għadx fadal għalliema tas-snajja’. U xi ngħidu għas-sengħa tat-triq? Se terġa’ tiġi introdotta fil-klassijiet tas-snajja’? Nemmen li l-edukazzjoni ma toffrix kwalifiki biss imma esperjenzi reali. Nemmen li l-iskola tas-snajja’ llum il-ġurnata trid tkun bilanċ bejn dak li huwa akkademiku u dak li huwa prattiku. Dak li tagħmel l-id ma jsirx fuq il-bank tal-iskola imma fuq il-bank tal-esperjenzi.
Inħeġġeġ it-twaqqif ta’ Ċentru Akkademiku u Nazzjonali tas-Snajja’ (ĊANS) li jkun pari passu mal-iskola tas-snajja’. Il-funzjoni ta’ dan iċ-ċentru hija li filwaqt li tipproteġi u tippreżerva s-snajja’ li waslu biex jispiċċaw bħall-bizzilla, in-newl, il-ħjata, it-tberfil u oħrajn, għandha tiġġieled għas-sopravivenza ta’ kull tip ta’ artiġjanat Malti b’mod professjonali. Din is-salvazzjoni tas-snajja’ twassal biex jerġgħu jinħolqu niċeċ ekonomiċi oħra. Għalhekk, iċ-ċentru (ĊANS) joħloq kurrikulu għall-istudenti li jixtiequ jaqbdu din it-triq artiġjanali, jaħtar għalliema tas-snajja’ u joħloq opportunitajiet ġodda għall-istudenti stess bħal skambji ta’ xogħol barra minn Malta. L-aktar ħaġa importanti f’dan iċ-ċentru hi li tinħoloq pont bejn il-veterani li ħadmu tul is-snin u l-istudenti li jmorru fl-iskejjel tas-snajja’. Iċ-ċentru ĊANS joħloq klassijiet ta’ ideat immexxija minn dawn in-nies veterani fuq snajja’ differenti. Dan l-eżerċizzju jgħin biex l-istudenti jifhmu s-sengħa b’mod iżjed olistiku – (Is-snajja’ tat-triq).
Deċiżjoni oħra ħażina kienet meta ngħalqu l-bibien tat-tarzna ta’ Malta, magħrufa wkoll bħala Malta Drydocks u Malta Shipbuilding. Kienet parti integrali mill-istorja industrijali u ekonomika tal-pajjiż. Hija ma kinitx biss post fejn jissewwew il-vapuri– kienet skola, mezz ta’ għajxien, simbolu ta’ ħila teknika u dixxiplina nazzjonali.
Matul is-seklu 20, speċjalment wara t-Tieni Gwerra Dinjija, it-tarzna kienet fost l-aktar industriji strateġiċi f’Malta. Kienet toffri xogħol lil eluf ta’ ħaddiema minn diversi bliet u rħula. Kienet tfisser ġid kbir għal eluf ta’ familji Maltin. Kienu żminijiet fejn raġel wieħed li jaħdem fit-tarzna seta’ jżomm familja sħiħa b’dinjità u stabbiltà ekonomika. Il-pagi kienu relattivament tajbin u l-ħaddiema kienu jgawdu minn benefiċċji soċjali li kienu rari f’industriji oħra.
L-aktar aspett uniku tat-tarzna kien il-programm tal-apprendistat tagħha. Il-post kien skola prattika għall-ħaddiema żgħażagħ fejn tgħallmu sa mill-bidu l-ħiliet meħtieġa fil-mekkanika, l-iwweldjar, il-manifattura u l-manutenzjoni tal-magni, xogħol tal-ħadid u ħafna oħrajn. Ħafna mill-ġenerazzjonijiet ta’ tekniċi u periti li llum jinsabu f’industriji differenti f’Malta bdew l-ewwel passi tagħhom fit-tarzna.
L-apprendisti kienu jgħaddu minn taħriġ rigoruż, kemm akkademiku u kemm prattiku, u kienu jitrawmu mhux biss bħala ħaddiema b’ħiliet għoljin imma wkoll bħala persuni dixxiplinati, organizzati u b’sens ta’ responsabbiltà.
Meta t-tarzna ġiet privatizzata u eventwalment waqfet l-operat tagħha bħala entità pubblika, ħafna raw dan bħala telf kbir għall-identità industrijali ta’ Malta. Is-suq internazzjonali, l-ispejjeż tal-manutenzjoni u l-operat, it-tibdil fl-ekonomija globali, il-kompetizzjoni qawwija barranija għamluha diffiċli biex tibqa’ sostenibbli u b’hekk intemmet storja ta’ eluf ta’ ħaddiema u ġenerazzjonijiet sħaħ. Din id-deċiżjoni għamlitilna ħsara mhux biss ekonomika, imma wkoll kulturali, storika u artiġjanali.
It-tarzni moderni li ħadu postha għadhom joffru servizzi f’drydocking u tiswijiet ta’ vapuri, iżda dak is-sens ta’ komunità u ta’ identità kollettiva li kienet toħloq it-tarzna klassika, issa saret storja tal-passat.
It-tarzna ta’ Malta kienet ħafna iktar minn post tax-xogħol. Kienet istituzzjoni li ffurmat ġenerazzjonijiet, bniet ħiliet, ħolqot ġid u għenet lil Malta timxi ’l quddiem f’mumenti kruċjali tal-istorja tagħha. Għalkemm illum m’għadhiex teżisti bl-istess forma, il-wirt li ħalliet għandu jibqa’ mfaħħar u rikonoxxut bħala parti essenzjali mill-istorja industrijali ta’ pajjiżna.
Illum mhux faċli li treġġa’ l-arloġġ lura. Il-poplu nesa’ l-ġerħa li ġarrab minħabba x-xejriet Ewropej li mexxew il-pajjiż għal li hu llum. Għalkemm il-vojt jinħass, sakemm kollox jibqa’ miexi bit-tajjeb, is-snajja’ Maltin ser jibqgħu jitkaxkru mal-art sakemm jintradmu u jitgerbu mill-eżistenza ta’ pajjiżna. Ix-xewqa tiegħi hija li forsi xi darba s-snajja’ jerġgħu jqumu fuq saqajhom imma dan jiddependi mill-għajta tagħna – l-għajta li turi li aħna Maltin, kburin b’dak li jagħmilna Maltin.
“Il-kotra qamet f’daqqa
U għajtet “Jiena Maltija”,
Miskin min ikasbarni,
Miskin min jidħaq bija” – Rużar Briffa (Jum Ir-Rebħ)
“Is-snajja’ huma l-memorja ħajja ta’ pajjiżna;
huma l-arti li tgħaqqad il-passat mal-preżent.”Ġużè Aquilina (Poeta u Kittieb Malti)
Imma f’dan il-kuntest hemm żball ieħor li mhuwiex tal-gvernijiet imma tal-poplu ġenerali, inkluż tiegħi li qed nikteb dan l-artiklu.
(Qari tal-Provi minn Paula Camilleri)