Il-poplu Malti, dejjem għaraf li jsarraf il-ħażin f’opportunità. F’kull okkażjoni l-poplu qam biex isaffi l-ħażin ħalli jirrenja t-tajjeb. Ħataf opportunitajiet fejn il-bqija tad-dinja baqgħet ċassa u lamtata fosthom fil-kriżijiet ekonomiċi.
Mhux hekk ġara meta f’pajjiżna kellna l-għeluq taż-żewġ istituzzjonijiet, fejn eluf ta’ tfal u apprentisti trawmu u ssawru f’sinsla b’saħħitha għal dan il-pajjiż. M’għarafniex inqumu u naħtfu l-opportunità. Eżatt bħall-istorja ta’ Trojja (l-ewwel artikolu). Illum bħala poplu qed intgħomu l-qrusa ta’ dan l-episodju.
Ma ninsewx minn fejn evolviet is-soċjetà u l-ekonomija. Fir-realtà, l-ekonomija tagħna bdiet mis-snajja’. Mingħajr dan il-pedament bażiku imma importanti, qatt ma stajna nsawru xogħol b’abbundanza kif għandna llum. Qatt ma seta’ jkollna ekonomija vibranti u reżiljenti kif inhi llum. L-ekonomija interna hija l-kolonja li mill-bidu tal-eżistenza tal-bniedem, tibqa’ relevanti sakemm jibqa’ jeżisti l-bniedem. Jekk tħares lejn l-istorja ta’ pajjiżna, Malta qatt ma mxiet ’il quddiem kieku ħadd ma investa fl-iswar, djar, biedja, sajjieda, bennejja, tan-newl u l-bizzilla, is-sinni jew il-burdnar u snajja’ oħrajn. Hija s-snajja’ li żammet lil Malta ħajja fiż-żminijiet diffiċli u bqajna ntajru l-bandiera bajda u ħamra sal-ġurnata tal-lum.
L-ekonomija hija piramida, fejn il-pedament huwa l-ħidma tal-id (snajja’), fin-nofs hija l-ħidma mhux manwali fosthom it-teknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali li hija pjuttost sular ġdid f’din il-piramida u l-ponta hija d-direzzjoni li jagħtu l-mexxejja lill-poplu, biex l-ekonomija tkompli tikber. Imma għalkemm l-ekonomija tespandi u tisaħħaħ, xorta l-pedament jrid jibqa’ sod. Eżempju ċar huwa l-istorja ta’ gżiritina: Is-swar ta’ gżiritna kienu jogħtru mal-attakk tal-għadu, kieku l-pedamenti kienu mibnija b’mod dgħajjef. Imma ġara bil-maqlub mhux bħas-swar li għaddew kemm għaddew snin baqgħu juru l-pedamenti sodi u imbattibbli.
Immaġinaw x’jiġri kieku llum, il-barranin jiddeċiedu li jitilqu minn Malta jew jissejħu lura f’pajjiżhom minħabba konflitti bejn il-pajjiżi, li bħalissa qegħdin imxerrdin mad-dinja kollha. L-ekonomija kollha, tisfronda f’jumejn. Is-sistemi kollha u l-benefiċċji b’xejn li kien qed iġawdi l-pajjiż jipiċċaw f’ħakka ta’ għajn. Dak li kien qed jinbena f’mijiet ta’ snin, jikkrolla kollox fi ftit ġranet. Bħall-bużżieqa li tinfaqa’ u l-biċċiet jittferxu fl-art u qatt ma tkun tista’ terġa tgħaqqad din il-bużżieqa flimkien.
Ħemm bżonn inxammru l-kmiem. U naraw xi irridu veru. Ma nistgħux nibqgħu nitkellmu fuq l-influss tal-barranin, meta anqas biċċa karta mal-art ma rridu niġbru. Ma nistawx nikkritikaw lill-Gvern għaliex hawn ħafna barranin, fl-istess nifs tgerger għaliex taż-żibel jew il-kennies m’għaddiex. Jekk vera irridu pajjiż tal-Maltin, irridu nies Maltin li jaħdmu f’kull tip ta’ snajja’ u servizzi li huma bażiċi fis-soċjetà tagħna. Il-Malti jrid ineħħi l-mentalità li dawn is-servizzi huwa ta’ nies bla edukazzjoni u ta’ min hu għażżien. Irridu ninsew il-kliem “Jaqq , Uff jew Iff”. Irridu n-neħħu kull stigma li teżisti fuq is-snajja’ ġenerali kollha. Irridu nies Maltin bħala ħaddieda, mastrudaxxa, bennejja, ħaddiema fuq id-dawl u l-ilma, sajjieda, bdiewa, naħħala u li jżomm pajjiżna nadif wkoll. Irridu l-ġenerazzjoni li tielgħa taf x’inhu hu kallu fil-pala tal-id jew xi skalda fis-subgħajn.
Jekk tħares mill-perspettiva ta’ turist, li jiġu bl-eluf fi gżiritna, iħossha stramba li jidħol ġo ħanut tal-artiġjantat mimli ħaddiema barranin, anke dawk li jaħdmu l-prodott purament Malti! Dan ma jdoqqx tajjeb għal pajjiżna. It-turist ifittex l-awtentitiċità ta’ ġżiritna, dak il-bidwi li jitkellem minn fuq iċ-ċint tas-sejjieħ bil-kisra mġerfxa tal-Inġliż u djalett Malti, dak il-bejjiegħ tal-ħut li jgħajjat biex jiġbed in-nies u jżerżaq b’xejn fi ftit vopi lil xi Maltija jew barrani li jgħix Malta u jixtri mingħandu. Dak il-kaħħal fuq l-iscaffolding isaffar lil sieħbu biex inewwilu x-xogħol, tal-ħaxix li f’postu joffri prodott Malti lit-turist, dak it-turist li meta jasal Malta jkun qed jistenna t-tibissima ta’ xufier Malti malli jirkeb it-trasport pubbliku u anka dak privat, dak it-turist li mar jara l-ħġieġ isir u jara Maltin jonfħu biex jagħtu xi forma lil xi vażun jew ornament, dak ir-raħħal li joħroġ l-merħla tirgħa barra jew tal-bizzilla li ssorġi fuq il-bankina fl-għajn tax-xemx bit-trajbu f’ħoġru u l-ħoss inkejjuż taċ-ċombini jaħbdu ma’ xulxin qabel jaqgħu f’posthom, biex iddandan id-dvalja l-ġdida bis-salib tal-kavallieri fin-nofs u dak l-artist li biż-żebgħa imċallsa ma’ ħwejġu jispjega l-arti lil dak il-barrani li ġie jfittex is-sbuħija ta’ ġżiritna f’pittura.
Ħawn inħeġġeġ lill-Gvern biex jinvesti bil-kbir u jagħti inċentivi kbar lis-snajja’ għaliex hekk biss tibqa’ ħajja l-identità Maltija. Jista’ l-Gvern jagħti ħafna forom ta’ għajnuniet lil min ikun f’dan il-mistier, biex isaħħaħ is-sengħa tiegħu u terġa’ tqum in-niċċa folkloristika, artiġjanali u s-servizzi li kellna fil-passat b’id Maltija imma b’magħmudija moderna u li tattira lit-turist u lil min jgħix f’Malta.
Aħna Maltin uniċi fid-dinja. Uniċi fil-lingwa li nitkellmu, uniċi fit-tradizzjoni u s-snajja’ li nħaddnu. Pajjiż żgħir imma poplu reżiljenti, fejn konna kapaċi anka negħlbu l-isfidi tal-pandemija u konna kapaċi nagħmlu avvanzi leġiżlattivi qabel kulħadd.
Għalhekk għadni sorpriż kif bqajna poplu kajman fil-perjodu fejn tlifna biċċa kbira mill-identità tagħna. Meta fittixt jekk kienx hemm protesti industrijali minħabba din il-kwistjoni ta’ telf ta’ riżorsi umani fis-suq tax-xogħol manwali, ma sibt xejn. Anqas ma sibt protesti fuq l-għeluq tat-Tarzna. L-unika informazzjoni li sibt li fl-20 ta’ Ottubru 2000, ħaddiema għamlu strajk u d-dimostrazzjoni fil-Belt Valletta li affettwat il-Malta Drydocks, Malta Shipbuilding u Malta Freeport, imma m’hemmx evidenza ċara li saru protesti dedikati għall-għeluq tagħhom innifishom – jiġifieri protesti speċifiċi li esprimew tħassib dwar l-għeluq tal-Tarzna jew tal-Iskejjel tas-Snajja’ nfushom. Hawnhekk kien sar żball kollettiv: il-pajjiż ma ddefendiex wieħed mill-ftit spazji fejn iż-żgħażagħ kienu jitrawmu f’ħiliet prattiċi, teknoloġiċi u industrijali li kienu taħt l-istat.
L-istorja li qatt m’għandha terġa’ sseħħ
“Ngħid b’mod ċar li l-għeluq tal-iskejjel tas-snajja’ wassal għal telf ta’ talent fuq skala nazzjonali” – Ex-Ministru Evarist Bartolo fl-2019
Għadna biċ-ċans li nirranġaw, billi l-Gvern jagħti inċentivi tajbin lil minn diġà qiegħed f’din is-snajja’ u aktar u aktar lill-ġenerazzjoni li qiegħda tielgħa billi ninvestu f’tagħlim tekniku u tradizzjonali b’mod reali u modern. Il-Gvern jagħraf li titwaqqaf l-Akkademiku u Nazzjonali Tas-Snajja’ (ĊANS) u nġibu lura l-apprentistat bħala istituzzjoni b’ġieħ u niftħu l-bibien għall-futur vokazzjonali għal uliedna b’aktar opportunitajiet u kreattività minn età żgħira.