Sunday, December 22, 2024

IS-SNIN GĦADDEW IMMA MA NSEJNIEX

Aqra wkoll

Ma jistax jiġi l-jum tal-11 ta’ Settembru u ma niftakrux fl-attakki terroristiċi li saru fuq l-Amerika 22 sena ilu. Traġedja umana li fih nqatlu mat-3,000 persuna innoċenti fil-ħtif ta’ erba’ ajruplani kummerċjali. Tlieta minnhom laħqu l-mira tagħhom u ntużaw bħala bombi fuq il-World Trade Centre u l-Pentagon mentri r-raba’ wieħed, kif nitfakru sewwa, twaqqa’ qabel laħaq il-mira tiegħu. Is-snin għaddew imma ma nsejniex u qatt m’għandna ninsew bil-għan li nitgħallmu minn dak li ġara fil-jum traġiku tad-9 ta’ Settembru, 2001. 

F’kull anniversarju nfakkru u hekk huwa ġust, il-vittmi tat-Twin Towers, dawk fil-Pentagon, il-passiġġieri u l-ħaddiema tas-salvataġġ li mietu fuq il-lant tax-xogħol tagħhom. Infakkru wkoll il-familji tal-vittmi li minkejja li għaddew is-snin għadhom jgħixu f’dulur liema bħalu u jiġġieldu għal ġustizzja. 

L-aħħar telefonati li saru mill-istess passiġġieri tal-ajruplani maħtufa, l-isplużjonijiet, in-nar, it-tiġrif, il-biki, id-disprament li nħass dakinhar u l-funerali bi tfal tal-vittmi preżenti, huma xeni li juru kemm il-bniedem huwa speċi li jattakka u joqtol lil tiegħu stess. Għaldaqstant, l-attakki tan-9/11 mhumiex biss traġedja Amerikana, imma traġedja umana. Traġedja tagħna lkoll.

Il-qtil ta’ dawn l-eluf f’inqas minn tliet sigħat li fihom ġew fix-xejn it-Twin Towers fi New York wassal, sfortunatament għal aktar qtil. Din id-darba f’operazzjonijiet militari u l-gwerra kontra t-terroriżmu li l-Istati Uniti ddikjarat kontra r-reġim Iżlamiku ta’ al Qaeda u kull pajjiż li b’xi mod jew ieħor kien affiljat magħhom. 

Riżultat immedjat ta’ dawn l-attakki terroristiċi kienet il-gwerra fl-Afganistan. Gwerra li ħadet 20 sena u li fiha tilfu ħajjithom bosta suldati Amerikani u suldati oħrajn inkluż suldati ta’ pajjiżi Ewropej. Dan ifisser aktar imwiet, aktar uġigħ u aktar firda bejn il-bnedmin. Il-gwerra fl-Iraq ukoll ħalliet ħafna vittmi innoċenti u dan il-pajjiż għadu jbati konsegwenzi kbar. 

Ma ninsewx ukoll gruppi vulnerabbli bħal komunitajiet Għarab u barranin oħra li wkoll sofrew wara dawn l-attakki terroristiċi fuq l-Amerika minħabba diskriminazzjoni u ppuntar ta’ swaba’. Illum, 22 sena wara, l-Istati Uniti qiegħda tiffaċċja theddid ġdid. Dak tal-Lemin estrem. L-attakki razzjali u r-razziżmu istituzzjonalizzat qegħdin jifnu lill-Istati Uniti, iżda mhux biss. Sadanittant, il-persuna li ħa r-responsabbiltà tan-9/11 – Bin Laden – ġie mfittex, arrestat u maqtul ukoll. 

F’dan kollu naraw ġlied u baħar ta’ mwiet. Hawn nistaqsu: imma hija din il-vera soluzzjoni? Fl-Istorja tal-bniedem dejjem kien hemm konflitti u gwerer. Qisu l-bniedem ma jafx, jew agħar ma jridx, jitgħallem ħalli jibda jgħix f’armonija. Is-soluzzjonijiet qisu jrid isibhom biss bl-id tal-forza li teqred u toqtol. Jekk hemm bżonn, nagħmlu gwerra. L-istess għandna għaddej bħalissa bil-gwerra fl-Ukrajna. Għal darb’oħra, hawn ukoll, il-bniedem qiegħed joqtol lill-bniedem. Dan ukoll minħabba nuqqas ta’ qbil. 

Allura nistaqsu, se nkomplu bil-qtil u bit-tpattija, bil-piki u bil-gwerer? Bil-konflitti, bil-ġlied u b’eskalazzjonijiet serji fil-protesti? Nemmnu li dan m’għandux ikun il-każ. Qatt ma kellu u qatt m’għandu jkun. Mhuwiex ġust jew b’xi mod iġġustifikat li nies bħali u bħalek ibatu jew saħansitra jmutu minħabba nuqqas ta’ qbil politiku, soċjali jew dogma ta’ reliġjon/twemmin estrem.

Wara snin ta’ gwerer li qatt ma ħallew frott iżda ħallew biss għadab u qirda, wieħed jittama li l-bniedem jitgħallem, jew almenu, jibda jitgħallem. Imma aktar milli ċ-ċittadini, huma l-mexxejja li għandhom ikunu responsabbli u jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa għall-ġustizzja u l-fraternità. Bħalissa, għandna sfidi kbar quddiemna u anke kwistjonijiet urġenti li hemm bżonn ikunu indirizzati llum qabel għada. Dawn huma l-affarijiet li għandna “niġġieldu” għalihom aktar milli naħlu l-ħin u l-flus f’attakki u gwerer imdemmija. 

Nemmnu li wasal iż-żmien li nwarrbu  l-indifferenzi u minflok ssir ħidma konġunta fejn ma jkunx hemm distinzjonijiet bejn il-pajjiżi, razez, reliġjonijiet, statut jew ġeneru. Flimkien għandna naħdmu biex kulħadd igawdi drittijiet ugwali inkluż dak tal-ħajja; li tkun indirizzata l-inflazzjoni biex l-ekonomiji, il-familji u l-ħaddiema ma jbatux; li neliminaw il-kriminalità, id-droga, il-vjolenza ta’ kull tip, l-abbuż, l-inġustizzji soċjali u anke dawk personali; li neradikaw il-faqar kbir li hawn speċjalment fil-pajjiżi terzi u li flimkien insibu tarf tal-mard li jista’ jmiss lil kull wieħed u waħda minnha bħalma ġara fil-każ tal-pandemija tal-Covid-19 u mard serju ieħor bħalma huwa l-kanċer. 

Hemm bżonn li l-gvernijiet dinjin jassiguraw li l-popli jerġgħu jiksbu fiduċja fl-istituzzjonijiet u fil-politika li jħaddnu. Hawn infakkru f’theddida oħra komuni li hija l-bidla fil-klima. Din it-theddida, jekk mhux se naqbduha minn qruna u nsolvuha flimkien, se teqridna lkoll kemm aħna.

Nemmnu li jrid jgħaddi ferm u ferm aktar żmien biex il-feriti ta’ dawn l-attakki terroristiċi fuq l-Amerika verament jingħalqu imma, pass kruċjali huwa li dak li nbidddlu t-tip ta’ politika le nimxu biha. Din għandha tkun politika li twarrab id-differenzi, l-egoiżmu, il-kilba tal-poter u tevita l-ġlied. Għandha tkun politika bbażata fuq il-paċi li tagħti futur ġust u armonjuż lil kulħadd. 

Lill-vittmi tal-attakki tan-9/11 għandna nibqgħu nfakkruhom ħalli nitgħallmu minn din it-traġedja u ma nirrepetuhiex. Nemmnu li m’hemmx aħjar milli nimxu ‘l quddiem flimkien b’mira li tinżamm il-paċi u li ssir ħidma ġenwina għall-ġid komuni. Hekk biss, ħajjet il-vittmi ta’ 9/11 u dawk kollha li nqatlu warajhom, ma jkunux intilfu ta’ xejn.

Ekonomija

Sport