Sunday, March 29, 2026

Is-Società Filarmonica Maria Mater Gratiæ ta’ Ħaż-Żabbar qiegħdha tippreżenta l-wirja marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa bl-isem ta’ Pesah

Aqra wkoll

Is-Società Filarmonica Maria Mater Gratiæ ta’ Ħaż-Żabbar qiegħdha tippreżenta l-wirja marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa bl-isem ta’ Pesah.  L-għan ewlieni ta’ din il-wirja hija li din is-Soċjetà tqajjem spirtu u devozzjoni lejn l-ikbar festa fil-kalendarju liturġiku tal-Knisja Kattolika fil-Belt ta’ Ħaż-Żabbar. 

Din il-wirja taf il-bidu tagħha b’mod modest fl-2005 meta sar ir-restawr tal-kantina tas-Sede tas-Soċjetà mill-Kummissjoni Żgħażagħ ta’ dak iż-żmien biex imbagħad fiha beda jintrama Ċenaklu għal żmien il-festi tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid. 

Maż-żmien dil-wirja kibret u tferxet ma’ diversi kmamar fis-sede tas-Soċjetà, però bejn l-2020 u l-2024 dil-wirja ġiet posposta, l-ewwel minħabba l-pandemija u wara minħabba l-proġett tal-bini li kien għaddej fis-sede tas-Soċjetà. 

Fis-sena 2025, hekk kif ix-xogħol tal-kostruzzjoni tlesta, il-wirja Pesah reġgħet fetħet il-bibien tagħha, bl-użu ta’ kmamar antiki bħal qabel, postijiet restawrati għall-ewwel darba, kif ukoll l-użu ta’ sala ġdida magħquda mal-kantina antika li ġiet skavata u mibnija bħala parti mill-Kumpless Teatrali Blue Arena. Din is-sena l-wirja ser terġa’ tiftaħ għall-pubbliku fl-istess post, fis-sotterran tas-sede tas-Soċjetà.

Il-wirja ser tkun qed tinkorpora fiha ċenaklu u oġġetti oħra relatati mal-passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu. Wirja ta’ platti u kwadri dekorattivi maħduma bl-ismid, ross u fażola, flimkien ma’ opri artistiċi oħra maħduma minn diversi artistiċi.

Din il-wirja, li qed tittella’ bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar, ser tiftaħ nhar l-Erbgħa 25 ta’ Marzu permezz ta’ kunċert ta’ mużika funebra mtella’ mill-Banda tas-Società Filarmonica Maria Mater Gratiæ ġewwa t-Teatru Blue Arena tal-istess Soċjetà. Il-banda ser tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast tagħha, Mro. Kevin Mizzi u ser iddoqq marċi funebri u mużika klassika marbuta mal-jiem kiebja tal-Ġimgħa Mqaddsa.

Il-wirja ser tkun miftuħa għall-pubbliku minn wara dal-kunċert tal-Erbgħa 25 ta’ Marzu sa’ Sibt il-Għid. Id-dħul għal din il-wirja u l-kunċert t’inawgurazzjoni huwa bla ħlas.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport