Grupp tas-Soċjalisti, Xellugin u Progressivi lbieraħ ingħaqdu quddiem Kastilja fejn talbu kjarifika mingħand il-Gvern dwar id-direzzjoni li qiegħed jieħu pajjiżna fir-rigward tan-newtralità.
Fuq il-paġna tal-Moviment Graffitti, intqal li din il-konferenza ssejħet wara li nhar it-Tnejn, 3 ta’ Frar 2025, il-Prim Ministru Robert Abela għamel dikjarazzjoni pubblika dwar il-ħtieġa ta’ diskussjoni pubblika fuq jekk il-klawsoli dwar in-newtralità fil-Kostituzzjoni ta’ Malta humiex iservu lil ħarsien u d-difiża ta’ pajjiżna fil-kuntest ta’ kunflitti preżenti jew futuri.

Il-Moviment Graffitti qalu li waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ġiet ippreżentata ittra miftuħa li kienet indirizzata lill-Prim Ministru Robert Abela. “Fiha sostnejna li l-Gvern ta’ Malta huwa fid-dmir li jadotta pożizzjoni ċara mingħajr ambigwità rigward l-istatus ta’ Malta bħala pajjiż newtrali. Din il-ħtieġa hija partikolarment urġenti fid-dawl ta’ pożizzjonijiet politiċi meħuda u avvenimenti riċenti li jindikaw ambigwità min-naħa tal-gvern fir-rigward tal-impenn tiegħu għal Kapitlu 1, Klawżola 3 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.”
Il-Prim Ministru wieġeb għal din l-ittra u tenna l-impenn tiegħu favur il-ħarsien tan-newtralità. L-għaqdiet li ngħaqdu flimkien tennew li huma qegħdin jistennew lill-Prim Ministru biex jagħmel din it-tweġiba tiegħu pubblika, iżda fl-istess waqt qalu li huma għadhom qegħdin jistennew tweġibiet għall-mistoqsijiet li saru.
Fil-fatt huma staqsew: “Speċifikament, liema huma l-ħtiġijiet li jirrikjedu li ssir diskussjoni fuq il-klawsoli dwar in-newtralità fil-Kostituzzjoni?”
It-tien mistoqsija li saret hija “liema huma dawk il-kunflitti preżenti jew futuri (li rrefera għalihom il-Prim Ministru) li jistgħu jirrikjedu li l-ogħla liġi tal-pajjiż tiġi mibdula jew interpretata mill-ġdid?”
L-għaqdiet staqsew ukoll lill-Prim Minsitru “temmen li s-siġurtà ta’ Malta tkun servuta bl-aħjar mod jekk pajjiżna – bil-liġi jew fil-prattika – jipparteċipa f’alleanza militari? Ma taħsibx li sħubija bħal din, legalment jew fil-prattika, tkun qed iżżid il-probabbiltà li gruppi militari oħra jarawna bħala objettivi militari leġittimi, peress li jqisuna bħala kollaboraturi ta’ pajjiżi/alleanzi militari kontrihom?”
Ir-raba’ mistoqsija li saret minn dan il-grupp lill-Prim Ministru kienet “tista’ tagħtina assigurazzjoni li, mhux biss Malta mhux se tkun tagħmel parti minn xi armata futura Ewropea jew li tintroduċi miżuri bħal-lieva, imma wkoll li mhux se tipprovdi għajnuna jew faċilitajiet lil xi qawwa barranija, alleanza militari jew armata Ewropea futura għal kwalunkwe intervent militari li jistgħu jkunu involuti fih fi kwalunkwe pajjiż terz?”