Il-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi Ewropej fil-Parlament Ewropew appella l-mexxejja Ewropej biex iħejju pjan ta’ rispons konkret hekk kif it-tensjonijiet mal-Istati Uniti dwar Greenland eskalaw id-dibattitu dwar l-awtonomija strateġika tal-Ewropa.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fi Strasburgu, Iratxe Garcia, mexxejja tas-Soċjalisti fil-Parlament, wissiet li l-Ewropa ma tistax tibqa’ tiddependi biss fuq l-imsieħba tradizzjonali tagħha għas-sigurtà u li trid tkun lesta tiddefendi t-territorji u l-interessi tagħha bl-għodda politiċi, ekonomiċi u legali tagħha.
“L-Ewropa għandha s-saħħa ekonomika u kummerċjali, u din is-saħħa għandna nużawha”, sostniet Garcia, li qalet ukoll li hemm maġġoranza b’saħħitha u ftehim bejn il-gruppi politiċi ewlenin dwar rwol aktar assertiv tal-Ewropa fil-qasam tad-difiża.
Greenland, gżira Artika vasta li hija formalment parti mid-Danimarka, titmexxa minn amministrazzjoni awtonoma, iżda hija parti mill-Unjoni Ewropea. Il-futur tat-territorju qed jiddomina l-plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu f’dawn il-jiem wara l-kummenti tal-President Donald Trump li sostna l-interess tiegħu li jakkwista l-gżira u m’eskludiex intervent militari biex jilħaq l-għanijiet tiegħu. F’dan is-sens, García qalet li din ir-retorika ma tistax tiġi injorata u nsistiet, li kull attakk fuq Greenland għandu jitqies attakk fuq it-territorju Ewropew.
Fl-intervent tagħha, il-leader Soċjalista kritikat lil Trump fuq aspetti oħra tal-politika barranija tiegħu, fosthom l-invażjoni fil-Venezwela, u t-theddid kontra l-Kolombja, Kuba, Messiku u Panama, u qalet li l-Ewropa għandha dmir li titkellem.
“Trump għamilha ċara li mhux interessat fid-demokrazija fil-Venezwela, iżda biss fiż-żejt. L-istess jgħodd għal Greenland”, żiedet tgħid il-kelliema.
F’dan il-kuntest, hija appellat lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jibdew jikkordinaw strateġija, inkluż b’referenza għall-Artiklu 42.7 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, il-klawżola ta’ assistenza reċiproka tal-Unjoni.
Dan l-artiklu jistipula li jekk Stat Membru tal-UE jkun il-vittma ta’ aggressjoni armata fuq it-territorju tiegħu, il-pajjiżi l-oħra huma obbligati joffru l-għajnuna b’kull mod li jistgħu. Filwaqt li l-Artiklu ma jistipulax speċifikament intervent militari, huwa jirrappreżenta s-sejħa għal difiża kollettiva tal-UE.
Is-Soċjalisti qalu li filwaqt li l-użu tal-klawżola fil-każ taż Greenland tqajjem kwistjonijiet legali u politiċi minħabba l-istatut speċjali tat-territorju, huma nsistew li l-UE għandha tkun preparata fil-każ li d-Danimarka titlob l-għajnuna. F’dan il-kuntest, Malta wkoll ħadet ton ta’ kawtela. F’kummenti mal-media, il-Prim Ministru Malti Robert Abela fakkar li Greenland mhix territorju Ewropew fis-sens konvenzjonali. Huwa fakkar ukoll li l-Istati Uniti għandha preżenza militari fi Greenland, fattur li jnaqqas ir-riskju ta’ attakk.
Fl-aħħar jiem, Donald Trump hedded li jimponi aktar tariffi fuq dawk il-pajjiżi li jieħdu pożizzjoni kontrih dwar il-kwistjoni ta’ Greenland.


