Tuesday, June 3, 2025

“Is-soċjetà għandha dejjem tibgħat messaġġ ċar u konsistenti li l-vjolenza domestika mhix aċċettabbli” 

- is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg iddikjarat li s-soċjetà għandha dejjem tibgħat messaġġ ċar u konsistenti li l-vjolenza domestika mhix aċċettabbli. 

“Għandu fuq kollox ikun assigurat li l-vittmi jkollhom dejjem il-ħarsien li jixirqilhom. Nitħasseb naqra fil-midja li seta’ kien hemm fejn dan ma ġarax għal raġunijiet li jqajmu numru ta’ mistoqsijiet. Ir-responsabbiltà titlob li tingħata spjegazzjoni u jekk jirriżulta dan in-nuqqas, meħtieġ jittieħdu passi,” qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg fuq Facebook. 

Hija qalet li meta u jekk ikun hemm każi fejn jingħata messaġġ li l-aggressur jista’ jkun protett iktar mill-vittma, allura min jagħmel hekk ikun qiegħed jonqos lil dik il-vittma u lill-vittmi oħra li jinsabu fis-skiet ta’ darhom u li konsegwenza ta’ dan jonqoshom il-kuraġġ li jitkellmu u jersqu ’l quddiem għall-għajnuna. 

“L-appell tiegħi li kull min għaddej minn mumenti diffiċli hu li hawn ħafna servizzi, ersqu ’l quddiem u itolbu l-għajnuna,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Buttigieg fuq Facebook.

Sadanittant, il-Malta Women’s Lobby (MWL) esprimiet it-tħassib tagħha dwar allegat każ ieħor rappurtat ta’ vjolenza domestika fil-konfront tan-nisa. Mingħajr ma daħlet fil-mertu ta’ dan il-każ partikolari, il-MWL qalet li f’kull każ huma jenfasizzaw li huwa d-dover tal-awtoritajiet li jaġixxu b’mod immedjat u deċiżiv biex jipproteġu lill-vittmi, irrispettivament min hu l-aggressur. 

Qalet li f’sitwazzjoni fejn ir-risk assessment ikun jindika li l-vittma hi “f’riskju għoli”, l-awtoritajiet għandhom obbligu ċar li jagħtu prijorità lis-sigurtà tal-vittma. Inqal li l-liġi ma tippermettix li l-vittmi jkunu mistoqsija dwar jekk iridux lura lill-aggressur fid-dar. Anzi, ħafna drabi hi l-vittma li tintalab tidħol f’xelter, kultant anke tkun sfurzata tħalli lit-tfal warajha. 

Il-MWL qalet li dan juri l-ħtieġa urġenti li nsaħħu l-qafas legali u istituzzjonali tagħna u appellat għal riforma leġiżlattiva li tqiegħed is-sigurtà tal-vittma fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni fost oħrajn.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport