Profs. Andrew Azzopardi ilu Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ għas-Soċjetà sa mill-1 t’Awwissu 2016.
F’dawn l-aħħar sitt snin saru bosta riformi u din il-fakultà apparti li żdiedet fil-livell, saret iktar popolari b’diversi żgħażagħ u anke inqas żgħażagħ li qed jieħdu kors f’din il-fakultà.
Skont l-istess Dr Azzopardi, f’intervista li kellu ma’ Talk.mt, hemm madwar 1,000 student li qed isegwu xi kors jew ieħor li toffri din l-istess fakultà.
Saqsejna lil Dr Andrew Azzopardi sabiex jiddeskrivi lilu nnifsu. “Jien persuna normali ħafna u nqis ruħi bħala bniedem bieżel. Jogħġobni ħafna x-xogħol li nqisu ferm importanti għalija u b’mod partikolari li jkun hemm ċerta etika fix-xogħol. Għalija m’hemmx livelli tas-soċjetà iżda rwoli li kull bniedem kapaċi jagħti.”
“Jien bniedem li nħobb ħafna l-isports partikolarment il-futbol u l-mużika, apparti li jogħġobni dak il-ħin mal-familja li ma nibdlu ma’ xejn. Fuq kollox, inħobb ħafna lill-kelb tiegħi Dante li nqisu bħala l-iktar ħaġa għażiża li għandi.”
Il-Professur Andrew Azzopardi jkellimna iktar dwar il-fakultà għat-tisħiħ tas-soċjetà li hi ferm għal qalbu. Iżda x’jagħmel din il-fakultà speċjali aktar minn oħrajn?
“Fil-verità kull fakultà għandha l-aspetti speċjali tagħha. Hemm 14-il fakultà fl-Università ta’ Malta u aħna bħala li nieħdu ħsieb it-tisħiħ tas-soċjetà, noffru 50 kors differenti għal madwar 1,000 student u studenta.”
Dr Azzopardi jgħid li bħala korsijiet jippruvaw joħorġu b’informazzjoni relatata fuq is-soċjetà u kif din qed tevolvi minn żmien għal żmien. Saħaq fuq l-importanza li bħala poplu Malti ninvolvu ruħna u nkunu dejjem aktar viċin xulxin. Din hi xi ħaġa li Dr Azzopardi jisħaq ħafna mal-istudenti li ġieli jiltaqa’ magħhom.
“Bħala fakultà jkollna diskussjoni diretta ma’ NGO’s, il-gvern u għaqdiet oħra bil-punt kardinali li s-soċjetà żżid l-operat tagħha.”
Id-dekan ta’ din il-fakultà jgħid li jeżistu diversi proġetti li jkollhom ħafna fejda speċjalmet lil ċerti familji filwaqt li individwi oħrajn li huma vulnerabbli jiġu mgħejjuna.
“Biżżejjed insemmu l-fundazzjoni RISE li tgħin lil diversi priġunieri li ħarġu mill-ħabs u issa jixtiequ jerġgħu jibdew ħajja ġdida wara li jkunu qattgħu xi żmien fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.”
“Fl-istess waqt, għandna wkoll proġetti oħra mal-CARITAS Malta li naf li jagħmlu xogħol li m’għandux prezz maż-żgħażagħ tfajliet u ġuvintur tagħna.”
Dr Azzopardi jqis din il-fakultà bħala waħda viċin in-nies hekk kif ikollhom ħafna kuntatti u kollaborazzjonijiet ma’ diversi għaqdiet mhux governattivi li jagħmlu xogħol siewi mal-komunità.
“Aħna nagħmlu riċerka kontinwa dwar l-evolviment tas-soċjetà Maltija u dejjem ninnutaw xi ħaġa partikolari li tkun qed isseħħ f’xi perjodu jew ieħor. Ġaladarba jkollna din l-informazzjoni f’idejna, nagħtu suġġerimenti kif ukoll nagħtu l-proposti tagħna sabiex il-ħajja tal-persuni involuti tkun aħjar.”
Andrew Azzopardi qal li sabu diversi problemi partikolari fejn għandu x’jaqsam housing fejn hemm nies li jsibuha diffiċli jsibu saqaf fuq rashom. Hemm ukoll problemi ta’ dipressjoni, solitudni, nuqqas ta’ aptit minħabba xi problema li qed jaffaċċjaw u mitt elf ħaġ’oħra.
“Insibu statistika li ma tantx hi sabiħa fejn pereżempju ndunajna li hemm madwar 46,000 persuna li fis-soċjetà Maltija jbatu xi tip ta’ solitudni. Għamilna dan l-eżerċizzju fis-sena 2019 u rrepetejnieh tliet snin wara. Din il-figura telgħet għal 200,000 u ċertament mhux numru daqshekk sabiħ.”
“Huwa għalhekk li aħna nidħlu sabiex nagħtu l-proposti tagħna u nippruvaw intaffu xi ftit minn din it-tbatija.”
Saqsejna lil Andrew Azzopardi dwar il-problema tad-droga f’pajjiżna. Din hi problema reali li fejn qabel kienet tibda mill-età adulta, issa sfortunatament skont ir-riċerka qed tinfirex anke fost iż-żgħażagħ żgħar. Il-prezzijiet biex takkwista d-droga naqsu u dan forsi jġiegħel aktar nies ifittxuha b’kurżità għalkemm imbagħad issir dipendenza. Fuq kollox, skont Azzopardi qed jikber l-aċċess u dan il-fattur għandu jkun indikattiv sabiex dejjem inkunu viġilanti lejn x’qed jiġri madwarna sabiex affarijiet simili ma jsirux.
Fost problemi oħra li nsibu llum il-ġurnata hemm ukoll id-dipendenza fuq l-alkoħol u s-sess fejn dan isir vizzju aktar milli jsir b’att ta’ mħabba.
Fenomenu ieħor li sfortunatament is-soċjetà Maltija qed taffaċċja hu l-faqar li jista’ jkun wieħed soċjali iżda wkoll materjali.
“Dan hu faqar partikolari li naraw ħafna minnu. Il-faqar soċjali hu kbir u jibda b’ċiklu fejn minn problema familjari, aktar tard issir waħda tal-komunità. Hu importanti li qisu nattakkaw din il-problema billi litteralment induru fuq l-individwu li jista’ jikkawża l-problemi.”
“Jinkwetani wkoll il-faqar materjali għax hawnhekk għandna nies li huma neqsin minn affarijiet bażiċi biex jgħixu ħajja komda.”
Kif intqal aktar qabel, il-fakultà għat-tisħiħ tas-soċjeta tgħodd mal-elf student li 70 minnhom qed jagħmlu l-PHD filwaqt li hemm oħrajn li qed jagħmlu korsijiet full-time. Dawn ivarjaw fl-etajiet fejn għalkemm għandek il-maġġoranza li huma żgħażagħ, hemm oħrajn li huma studenti maturi li jieħdu dan il-kors sabiex ikunu jistgħu jagħtu kontribut aħjar lis-soċjetà.
“Il-proġetti futuri huma ħafna anke għax is-soċjetà Maltija llum għaddejja minn sfidi li dejjem jiżviluppaw u r-riċerka dejjem tkun waħda kontinwa sabiex dejjem nagħtu s-suġġerimenti tagħna.”
Finalment Dr Andrew Azzopardi rrimarka kif is-soċjetà Maltija llum saret dejjem aktar konsumista fejn dejjem trid, qatt mhi kuntenta. Ċertament li dan il-fattur minkejja li juri li l-maġġorparti tan-nies qed jgħixu komdi, madankollu qed jitilfu l-valur veru tal-ħajja.
“Xtaqt nagħlaq b’dan il-messaġġ. Nixtieq nara soċjetà li tara fil-bniedem valur u mhux oġġett. Nixtieq nara nies li filgħodu jgħidu bonġu lil xulxin, li jitkellmu fuq x’ġara matul ħajjithom f’dik il-ġurnata u anke japprezzaw aktar dak li jagħmlu għal xulxin. Importanti li nżommu dawn l-affarijiet ħajjin fina għax inkella nkunu litteralment qed neżistu mhux ngħixu.”