Sunday, December 22, 2024

“Is-sodisfazzjon li tħoss meta tkun ħdimt għal xi ħaġa u takkwistaha hi enormi”

Aqra wkoll

Kim Pelham hi mudella li ilha tipparteċipa f’konkorsi tal-moda għal dawn l-aħħar snin. Għandha 25 sena u taħdem bħala accountant f’kumpanija privata. Ipparteċipat b’suċċess f’Miss Malta 2021 fejn rebħet din il-kompetizzjoni. Aktar qabel fis-sena 2019 ħadet sehem ukoll f’MIss Universe Malta.

Kim bdiet timmudella ta’ eta’ żgħira ħafna. Minn dejjem kienet interessata f’din id-dinja li kienet taraha ferm affaxxinanti. Id-dispjaċir tagħha kien li ma setgħetx tiżviluppa aktar qabel f’dan il-kamp minħabba li ma kellhiex dik il-kunfidenza meħtieġa sabiex iżżid il-potenzjal tagħha.

Wieħed mill-objettivi ta’ Kim hi dejjem dik li tippromwovi dak li bl-Ingliż insejħulu self-empowerment speċjalment fost in-nisa. Kim tuża wkoll il-media soċjali tagħha sabiex tqajjem kuxjenza fuq is-saħħa mentali, settur li tarah ferm importanti sabiex in-nies ikunu jafu dejjem aktar dwaru.

Ftit tal-jiem ilu, Kim Pelham flimkien ma’ għadd ta’ mudelli oħra marru f’Lloret de Mar fi Spanja sabiex jieħdu sehem f’festival tal-moda li sar hemmhekk. L-idea ewlenija ta’ Kim u t-tim tagħha kien li jmorru hemm għall-vaganza sabiex igawdu x-xemx, il-postijiet ta’ divertiment, ristoranti u postijiet rilassanti li taf toffri din il-blet. Iżda kif ġiet l-opportunita’ xtaqu jieħdu esperjenza akbar. It-tim tagħha kien jinkludi lill-organizzatur tal-kompetizzjonijiet tas-sbuħija Kersten Borg kif ukoll make-up artists u hairdressers. 

“Esperjenzajna diversi sessjonijiet tar-ritratti fejn morna f’postijiet ferm pittoreski filwaqt li kellna ħwejjeġ verament sbieħ. Ovvjament la konna Spanja ma stajniex ma mmorrux nagħmlu x-xiri tagħna filwaqt li gawdejna l-bajjiet sbieħ li joffri Lloret de Mar.”

Kim qalet li ma kienx faċli li bħala grupp ta’ 13-il persuna jaqblu speċjalment meta jkun hemm karattri differenti. Iżda kulħadd mexa katina waħda u kienet opportunita’ wkoll li jsiru jafu lil xulxin aktar.

Kim Pelham se tkun qed tirrappreżenta lil Malta fil-kuntest kbir jismu Miss Earth li se jsir fil-Filippini. Fi Spanja hi saħansitra ġiet fis-sitt post f’konkors jismu Best Model of Europe, xi ħaġa li qalet li ma kinitx mistennija.

Il-mudella Maltija tgħid li qed taħseb ħafna fuq il-Filippini fejn se tkun qed iġġorr il-bandiera Maltija fil-konkors internazzjonali li se jsir u issa se jibda x-xogħol veru u proprju sabiex tkun lesta għal din l-esperjenza. 

“Hemm ħafna xogħol xi jsir u għalhekk qed nippreparaw bi sħiħ sabiex inkunu lesti għal Novembru.”

Pelham faħħret il-ħiliet organizzattivi ta’ Kersten Borg u fissritu bħala wieħed li jiggwida sew lill-mudelli fejn jagħtihom ħafna pariri tajbin filwaqt li għandu pjanijiet li jiffaċilitaw il-ħajja tagħhom.

Hi reġgħet semmiet l-esperjenza Spanjola fejn qalet li minkejja li ħadu dan il-konkors bħala avventura, b’objettivi xejn konkreti, xorta waħda marru tajjeb, ħadu esperjenza ġdida , ħadmu katina mal-make-up artists u l-hairdressers u ġew mal-ewwel ħames timijiet f’dan l-istess avveniment.

“L-iktar ħaġa li verament jien kuntenta biha hi li għamilna ħafna ħbieb u li kulħadd stmana qisu wieħed jew waħda minnhom.”

“Fl-istess waqt konna sorpriżi kif flimkien bħala grupp ta’ 13-il ruħ urejna sinerġija liema bħalha li wassal għal riżultat massimu.

Tkellimna ma’ Kim dwar kif l-immudellar għenha fil-ħajja personali tagħha.

Kim tgħid li l-konkorsi tas-sbuħija għenuha ħafna sabiex iżżid il-kunfidenza u dan ippermetta sabiex iseħħ dan is-suċċess li fissritu li ġara b’mod gradwali.

F’tip ta’ avvenimenti bħal dawn minkejja li t-tfajliet l-oħra huma kompetituri, fl-istess ħin ikun hemm ukoll l-lat ta’ ħbiberija bejniethom. Minkejja li din hi kompetizzjoni ta’ sbuħija, wieħed irid jikkunsidra li mudella mhux biss trid tkun sabiħa minn barra iżda wkoll minn ġewwa. Din hi kwalita’ importanti sabiex verament ikollok kif jgħidu l-pakkett komplut. Anke Kim hi tal-istess fehma.

“Is-sbuħija hi importanti iżda hemm ukoll il-lat interjuri tal-persuna. Wieħed għandu jara wkoll il-personalita’, il-karatteristiċi tal-persuna kif ukoll il-perċezzjoni tagħha lejn il-ħajja. Fuq kollox wieħed għandu jara l-qalb tad-deheb tal-persuna li hi tant importanti. Kif jgħidu, is-sbuħija hi importanti iżda mhux kollox!”

Fl-aħħarnett, Kim xtaqet twassal messaġġ lil dawk it-tfajliet u ġuvintur sabiex jaqbdu karriera fl-immudellar.

“Minn hawn nixtieq ninkoraġixxi kemm tfajliet kif ukoll ġuvintur sabiex jidħlu fid-dinja tal-moda. Dan jgħinhom sabiex jegħlbu l-mistħija, ikunu aktar kunfidenti u fuq kollox ikabbru l-personalita’ tagħhom.”

“Kien hemm ħafna drabi meta fi tfuliti bqajt lura anke għax forsi kont xi ftit mistħija. Madankollu meta trawwimt f’din id-dinja tant sabiħa tal-moda, tista’ tgħid li kollox ġie waħdu, ħassejtni ferm motivata iktar f’ħajti u issa jien dak li jien.”

“Għal dawk li forsi bħalissa jħossu xi ftit tal-mistħija żejda, jien ngħidilkom li m’hemmx għalfejn tibqa’ lura. Wara kollox, kulħadd huwa l-istess, kulħadd għandu moħħ biex jaħseb u talenti x’joffri. Kull bniedem għandu t-tajjeb u l-ħażin tiegħu. Għalhekk il-mistħija tista’ tingħeleb bħalma għamilt jien. 

“Nemmen ħafna u għedtha kemm-il darba f’dak li l-Ingliżi jgħidulu self-empowerment, il-fatt li hi tkun kapaċi tmexxi lil ħajtek b’mod awtonomu u dawk id-drittijiet li għandek teżerċitahom bl-aqwa mod possibbli.”

“Għalhekk finalment inħeġġeġ aktar nies sabiex jidħlu fid-dinja tal-immudellar għax is-sodisfazzjon li tħoss meta tkun ħdimt għal xi ħaġa u takkwistaha hi enormi.”

Ekonomija

Sport