Friday, September 5, 2025

IS-SOLIDARJETÀ GLOBALI … 

Aqra wkoll

Is-solidarjetà f’kull forma tagħha, għandha tintwera bil-fatti u mhux bil-kliem biss. F’pajjiżna, is-solidarjetà bejn il-Maltin u mal-barranin, tispikka mhux biss mill-għadd ta’ maratoni li jsiru matul ix-xhur tas-sena, imma wkoll għall-għajnuna li nagħtu lil pajjiżi oħra, kemm materjali u anke fiżika billi nipprovdu mhux biss mediċini u affarijiet oħra, imma wkoll permezz ta’ interventi li jsiru minn membri tal-Protezzjoni Ċivili milqut minn xi diżastru. 

Għalkemm bħal Malta hemm diversi pajjiżi li jkunu pronti li jgħinu lil popli li jkunu għaddejjin minn xi diżastru naturali jew minn xi gwerra, hemm pajjiżi li sfortunatament jagħlqu għajnejhom għas-sofferenzi tan-nies. Hekk ġara propju fl-Istati Uniti ftit tax-xhur ilu, meta din kienet naqqset il-fondi lil xi pajjiżi tat-tielet dinja.

Fl-isfond ta’ dan kollu, id-dinja illum qed tfakkar il-jum internazzjonali tas-solidarjetà globali. Filwaqt li dan il-jum huwa sinifikanti, b’danakollu jekk jibqa’ fuq il-karta biss, it-tifsira tiegħu ma tkun tfisser xejn. Għalhekk il-ħtieġa urġenti li l-komunità intenazzjonali kif miġbura flimkien fl-Organzizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tgħaddi għal azzjoni u ma tibqax titkellem biss, huwa evidenti.

Id-dinja ma tistax tagħlaq għajnejha quddiem it-tbatijiet li għaddejjin minnhom diversi reġjuni. Il-kunflitt ta’ Gaża huwa eżempju ċar ta’ dan. F’dan ir-reġjun, il-poplu Palestinjan mhux biss qed ibagħti l-ġuħ u s-sofferenzi tal-gwerra li issa ilha għaddejja kważi sentejn, imma wkoll qed jiġu sposjati u mġegħlin jitilqu minn djarhom. 

Dan biex ma nsemmux ukoll dak li qed jiġri fl-Ukrajna fejn ġew attakkatti inħawi ċivili bl-iskuża li dawn kienu faċilitajiet militari. Is-solidarjetà globali għandha tintwera wkoll mhux biss fejn hemm il-kunflitti u l-ġlied bl-armamenti, imma wkoll fejn sfortunatament isiru diżastri naturali. 

It-terremot qawwi fl-Afganistan u l-għargħar fl-Indja huma eżempji ċari ta’ dan. Għalhekk f’dan il-kuntest nemmnu li l-appelli għall-għajnuna ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi għandhom jinstemgħu minnufih jekk verament il-komunità internazzjonali trid turi ħniena u solidarjetà ma’ dawk kollha milquta.

Jekk din l-għajnuna mhux se tasal fejn hemm bżonn, il-jum internazzjonali bħal tal-lum ma jifdallu ebda sens. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport