Huwa fatt rikonoxxut li aktar ma popolazzjoni tixjieħ, aktar jitfaċċawlha każijiet ta’ solitudni. Dan huwa fenomenu li mhux qed ikun osservat biss f’pajjiżna, imma jinstab ukoll f’diversi pajjiżi, avvanzati u mhux, madwar id-dinja.
Is-solitudni fl-adulti anzjani jista’ jkollha kemm impatti pożittivi kif ukoll negattivi fuq il-benesseri tagħhom, u l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) tirrikonoxxiha bħala kwistjoni sinifikanti tas-saħħa pubblika.
Filwaqt li xi adulti anzjani jistgħu jippreferu jew jibbenefikaw mis-solitudni, oħrajn jistgħu jesperjenzawha bħala fattur ta’ riskju għal diversi problemi ta’ saħħa.
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tirrikonoxxi l-importanza li jiġu indirizzati l-iżolament soċjali u s-solitudni fil-popolazzjonijiet anzjani.
Quddiem dawn ir-realtajiet soċjali jkun opportun li naraw sew x’qed isir f’pajjiżna biex kemm jista’ jkun intaffu l-problema tas-solitudni tan-nies speċjalment fost l-anzjani li jgħixu waħedhom.
Ma nistgħux ma nsemmux li llum il-ġurnata hawn għarfien akbar dwar dan is-suġġett emottiv. U ta’ dan ma nistgħux ma nkunux kuntenti. Biss biss żdiedu s-servizzi offruti kemm mill-istat u anki mill-knisja u għaqdiet mhux governattivi. Sa anke żdiedu ċ-ċentri li nfetħu fil-komunità biex wieħed ikollu l-opportunità li jitkellem ma’ ħaddieħor u b’dan il-mod jħossx waħdu, li huwa maqtugħ mill-bqija tass-soċjeta.
Hemm ukoll linji tat-telefon miftuħa 24 siegħa kuljum għal dawk li jħossuhom waħedhom u jkunu jridu jitkellmu ma’ xi ħadd. Dan ukoll joħroġ mill-fatt illi ħafna mit-telefonati li jsiru fuq stazzjonijiet tar-radju differenti fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu ħafna minnhom ikunu anzjani li jċemplu għax iħossuhom waħedhom.
Minbarra s-sapport kollu li joffri l-Gvern, isiru wkoll inizjattivi minn żmien għal żmien minn għaqdiet jew individwi li jkunu lesti biex jilqgħu individwi li għaddejjin minn xi problemi simili. Fost dawn hemm il-Fondazzjoni Caritas Malta li taħdem b’mod kontinwu ma’ dawn il-persuni, fix-xhur kollha tas-sena.
Dan l-aħħar, din il-Fondazzjoni nediet ukoll studju kwalitattiv li jiffoka fuq l-anzjani li jgħixu waħedhom. Minn dan l-istudju ħarġu punti interessanti fosthom id-differenza bejn l-irġiel u n-nisa billi filwaqt li n-nisa jħossu aktar is-solitudni bħala sentiment emozzjonali, l-irġiel iktar affettwati bl-element prattiku. Anke l-elementi ta’ staġuni jaffettwaw billi fix-xitwa jidlam kmieni kontra s-sajf li jista’ jinstigak toħroġ.
Għalhekk, dak li ġie rikmandat f’dan l-istudju, li għandu jitkattar is-sens komunitarju u nkabbru l-ispazji biex l-anzjani jkollhom iktar fejn imorru għandu jiġi materjalizzat. Nemmnu wkoll li l-anzjani għandhom ħafna kontribut x’jagħtu lis-soċjetà filwaqt li jistgħu wkoll jgħaddu l-esperjenzi tagħhom lill-ġenerazzjoni żagħżugħa, anke fuq il-postijiet tax-xogħol jew fl-iskejjel. Għalhekk infaħħru kull sforz li qed isir biex l-anzjanità attiva tibqa’ tingħata l-prijorità li tixraqilha. L-attività tista tkun ukoll rimedju li jtaffi s-solitudni.