Monday, April 29, 2024

“Is-solitudni tolqot lil ħafna nies mingħajr ebda distinzjoni ta’ klassi”

- Il-Professur Andrew Azzopardi

Aqra wkoll

Prof. Andrew Azzopardi hu d-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà. Din hi fakultà importanti sabiex isiru mhux biss proġetti iżda wkoll studji dwar fejn sejra s-soċjeta’ Maltija tal-lum il-ġurnata.

M’hemmx dubju li s-soċjetà tagħna qed tinbidel fl-attitudni tagħha minħabba diversi fatturi. Ma’ Prof. Azzopardi nitkellmu aktar fid-dettall dwar din il-fakultà li hu dekan tagħna.

“Kull fakultà għandha l-operat partikolari tagħha. Aħna noffru aktar minn 60 kors li jvarjaw minn ċertifikat għal dottorat. Barra minn hekk, aħna aġenzija li nagħmlu wkoll riċerka vasta u proġetti li huma intiżi sabiex jinstilet sens ta’ ġid fost il-komunita’ tal-gżejjer Maltin.”

Prof. Azzopardi jgħid li huma jieħdu gost ħafna jagħmlu dawn il-proġetti għax skont ma qalilna, huma qed jagħtu lura ċerta data lis-soċjeta’ tagħna. Kellhom diversi studji f’dawn l-aħħar snin fosthom dwar il-mewt u l-impatt psikoloġiku li tħalli fl-individwu, studju dwar traffiku u kif dan jaffettwa lin-nies, xi trawmiet li jkunu għaddew minnhom xi tfal u żgħażagħ kif ukoll studju ma’ xi reġjuni li jiffurmaw il-gżejjer Maltin.

Huma tkellmu wkoll mal-ERA dwar l-impatt li ż-żgħażagħ tal-lum qed isibu f’Malta moderna u kif dan kollu qed jeffettwahom. Kif qal hu stess il-fatt li huma qed jagħtu xi ħaġa lura lill-komunità hi ta’ sodisfazzjon enormi. 

“Tajjeb li ngħidu li waqt dawn ir-riċerki iġġenerajna aktar minn miljun u nofs ewro u ħadna gost li l-flus ġibnihom aħna stess biex ninvestuhom f’dawn is-sondaġġi ferm importanti u kważi kważi kruċjali. Aħna nagħmlu ħafna attivitajiet ma’ studenti, jkollna fora għad-diskussjoni, noħorġu gazzetta kull sena apparti li norganizzaw ħafna seminars u konferenzi.

Prof. Andrew Azzopardi jgħidilna li hemm madwar 1000 student u studenta f’din il-fakulta fejn 105 minnhom għaddejjin f’xi fażi jew oħra tal-istudji tagħhom tad-dottorat. Hu jgħid li qabel in-numru ta’ studenti li jaslu sa din il-fażi kont tgħoddhom fuq subgħajk iżda llum hemm aktar aċċenn sabiex bniedem jeduka ruħu u jkollu aktar għarfien tas-soċjetà tiegħu.

Tlabna lill-Prof Azzopardi sabiex jagħtina aktar informazzjoni dwar il-proġett imsejjaħ ‘Il-Ġerħa tas-Solitudni.’

“Dan nista’ ngħid li hu suġġett ferm għal qalbi għax ridt li niżviluppa aktar l-għarfien dwar tema li għalija hu ferm kruċjali. Kollox beda meta darba fost l-oħrajn kien hemm dik il-mewt tar-raġel li spiċċa ttiekel mill-kelba tiegħu stess u niftakar lill-ġurnalist tat-televiżjoni nazzjonali jintervista ġirien li kienu joqogħdu fit-triq tiegħu. Kulħadd l-istess kelma – kemm kien bniedem mill-aħjar.”

“Allura jien saqsejt bejni u bejn ruħi kif jista’ jkun li bniedem hekk ħadd ma jiftakar fih jew inkella jara jekk għandux bżonn xi ħaġa. Kien għalhekk li ridt nindaga aktar u nsir naf aktar affarijiet. Kien għalhekk ukoll li ħsibt sabiex noħroġ l-ewwel dokumentarju fl-2017 fejn hemmhekk ridna naraw xi jħossu n-nies dwar din it-tema tas-solitudni.”

“Fl-2019 morna għal studju ta’ prevalenza, ċioe’ studju nazzjonali fejn skoprejna li hemm numru inkwetanti ta’ 45% li huma f’solitudni. Fl-2022, iġifieri sentejn wara rġajna għamilna dan l-istudju fejn din id-darba n-numri għolew għal 55%.”

Prof. Azzopardi qal li f’dawn l-aħħar xhur riedu jagħmlu studju differenti fejn riedu jirrakkuntaw x’jgħidu n-nies permezz tal-istejjer tagħhom. Riedu jfiehmu lin-nies dwar dik li għal xi wħud hi tbatija.

“Is-suġġett tas-solitudni tolqot lil ħafna nies mingħajr ebda distinzjoni ta’ klassi kemm kbar kif ukoll żgħar, professuri, romol, separati u nies ta’ kull ġens u sess. Hemm bżonn nieħdu azzjoni immedjata sabiex nevitaw din it-tbatija!”

Id-dekan qal li flimkien ma’ diversi kollegi fi ħdan il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà ġew elenkati mitt proposta li jistgħu jitwettqu sabiex dak li jkun jevita problemi bla bżonn u li fihom ikun hemm ukoll l-għajnuna li hi tant mehtiega. 

Ma’ Prof. Azzopardi tkellimt dwar ir-rata allarmanti ta’ suwiċidji li seħħew f’Malta s-sena l-oħra bin-numru li jlaħħaq is-27 persuna. Iżda x’qed jiġri?

“In-numru li semmejt hu inkwetanti iżda rridu nsemmu wkoll lil dawk il-persuni li jippruvaw jagħmlu suwiċidju u li ma jirnexxielhomx. M’hemmx etajiet partikolari għalkemm it-tendenza hi jkunu rġiel ta’ ‘l fuq minn 25 sena li bħal qisu jaħsbu li d-dinja spiċċat għalihom. Sfortunatament hemm ukoll żgħażagħ li jaslu għal dan kollu bil-metodi li xejn m’huma sbieħ. Għalhekk hemm bżonn illum qabel għada li nagħmlu xi ħaġa għax dawn in-nies li jkunu waslu fix-xifer ta’ ħajjithom, għandhom bżonn min jismagħhom.”

Prof. Azzopardi kien qed jitkellem ma’ persuna partikolari li semma’ kemm illum il-ġurnata aħna l-bnedmin donnu għandna ħafna ġid iżda qed ngħixu f’żewġ dinjiet differenti. Hu sostna li minkejja li għandna ħafna ġid qisna tlifna l-gost li nieħdu pjaċir. Dak il-pjaċir li wieħed iħoss ġo fih donnu intilef u kollox sar isir għal wiċċ in-nies aktar milli jkun hemm ferħ interjuri.

Fid-dinja l-oħra qed naraw bniedem ibati mingħajr ma jkun kapaċi jiskopri lilu nnifsu sforz tal-ħajja mgħaġġla li qed ngħixu fiha. Fil-fatt, bniedem mhux kapaċi japprezza lilu nnifsu u jaħseb li l-ġid jitkejjel kemm ikollu flus aktar milli kemm ikun ferħan. 

L-aħħar appell ta’ Prof. Andrew Azzopardi hu proprju li n-nies li jiddeċiedu li jidħlu f’din il-fakultà japprezzaw l-istudju li jagħmlu u jgħożżu s-sodisfazzjon li jsibu meta jgħinu lil xi ħadd.

Hu jgħid li m’hemmx għalfejn bniedem ikollu xi ruxxmata eżamijiet biex jidħol f’din il-fakultà, speċjalment minħabba li hemm ukoll dawk l-istudenti mhux tradizzjonali u forsi m’għandhomx il-kwalifiċi regolari imma jistgħu jidħlu f’ċerti korsijiet bil-‘maturity clause’.

Hu jtemm jgħid li qatt m’hu tard biex titgħallem u għalhekk iħeġġeġ lil dawk l-individwi sabiex jagħmlu sforz u jitgħallmu xi kors fil-fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà.

Sport