Saturday, December 21, 2024

“Is-soluzzjoni: Skips taħt l-art”

IL-BOROŻ TAL-ISKART FOST IL-ĦMIEĠ U L-IŻDINGAR F’SAN PAWL IL-BAĦAR

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-eks Viċi Sindku tal-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar Carlos Zarb jissuġġerixxi sistema diġà wżata f’ħafna pajjiżi Ewropej… Soluzzjoni tajba li tirrikjedi sagrifiċċji u impenn

Il-lokalitajiet ta’ San Pawl il-Baħar, Bugibba u anke l-Qawra huma fost l-aktar lokalitajiet bi sfida qawwija fejn tidħol l-indafa pubblika. Xeni rikorrentti ta’ boroż ta’ kull kulur ta’ skart, saqqijiet, għamara, kif ukoll apparat domestiku mħollija fuq il-bankini jew mitfugħa f’xi roqgħa bil-ħaxix, ilhom idejqu lil dawk ir-residenti li jridu jżommu nadif. Dan biex ma nsemmux ħmieġ tal-klieb li aktar ma jinġabarx milli jinġabar kif mitlub mil-liġi. Meta nitkellmu speċifikament dwar l-iskart domestiku, li suppost jinfired f’boroż differenti u jitniżżel fi ġranet speċifiċi, minkejja l-kampanji ta’ edukazzjoni u anke multi, f’dawn iż-żoni, hemm rebus totali.

Fir-rigward IT-TORĊA tkellem mal-eks Viċi Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, Carlos Zarb li fiż-żmien it-terminu tiegħu li għaddu kemm ġie fi tmiemu f’Ġunju, bħala Kunsill għamlu kemm felħu biex jindirizzaw il-problema ta’ skart fit-toroq. Skart li qiegħed iwassal għal ħmieġ u żdingar b’konsegwenza ta’ żieda ta’ ġrieden fit-toroq u estetika tal-mistħija f’żona popolari fost it-turisti.

Zarb mill-ewwel qalilna li l-ħmieġ u l-iżdingar fiż-żoni msemmija, mhumiex biss perċezzjoni imma, realtà. Din ir-realtà, skont huwa, tista’ tkun indirizzata fost l-oħrajn b’metodi innovattivi u wieħed li jemmen li jista’ jaħdem huwa diġà wżat f’diversi pajjiżi Ewropej, jiġifieri dak li jsiru l-iskips taħt l-art.
Tali soluzzjoni, però, tirrikjedi sagrifiċċji u impenn. Fl-istess ħin, skips taħt l-art se jġibu magħhom lati pożittivi tant li din is-sistema alternattiva ta’ min jikkonsidraha bis-serjetà.

Mhux biss perċezzjoni imma realtà

Mill-bidu tal-intervista l-eks Viċi Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Carlos Zarb, qalilna li, “fil-ħames snin li kont fil-Kunsill kelli kuntatt kontinwu mar-residenti u anke meta tħares lejn il-lokalità, tinduna d-diffikultajiet li għandu San Pawl il-Baħar. Il-ħmieġ u l-iżdingar huma realtà u l-unika mod li jiena nemmen li nistgħu niġġieldu din ir-realtà huwa billi nkunu innovattivi, miftuħin għall-ideat, nisimgħu min-nies, kif ukoll naraw x’inhuma jagħmlu pajjiżi oħra. Mudell li ili nsostni fuqu għal dawn l-aħħar ħames snin hija s-sistema tal-iskips taħt l-art. Din is-sistema hija wżata f’ħafna pajjiżi Ewropej, inkluż f’pajjiżi żgħar”.

Dan l-eks Viċi Sindku ammetta li huwa minnu li għalina tali sistema hija aktar diffiċli. Dan minħabba li l-fatt li t-toroq tagħna huma dojoq. Fir-rigward spjega li għalhekk, “irid ikun hemm ċerti sagrifiċċji li jridu jsiru. Dawn is-sagrifiċċji jinkludu li jrid ikollna Kunsill, b’kollaborazzjoni mal-Gvern, li lest li jissagrifika ċertu parkeġġi ħalli jassigura li dawn isiru. Ovvjament dan ifisser li biex issir sistema sura, bejn wieħed u ieħor qegħdin nitkellmu li jtellfu kważi żewġ parkeġġi f’kull triq. Dan huwa ammont konsiderevoli imma nemmen li jekk issir, ikollok sistema li tirrifletti aktar il-ħtiġijiet tal-lum”.

Diffikultà għan-nies li jaħdmu u kuntrattur li mhuwiex ilaħħaq

Huwa qal li s-sistema preżenti li jinġabar l-iskart filgħodu biss mhiex sistema li għadha taħdem. “Dan għas-sempliċi raġuni li għandek ħafna dinamika ta’ nies, kif ukoll għandek ħafna nies li f’dawk is-sigħat jaħdmu. Allura, il-loġistika biex joħorġu l-iskart tagħhom, ma taħdimx u mbagħad jispiċċaw joħorġuh filgħaxija,” kompla Zarb.

Eżempju ieħor li ġab huwa dak fejn hemm kuntrattur li biex ilaħħaq mad-domanda, mhuwiex ilaħħaq jiġbor fil-ħin stipulat. Insista li, “għalhekk hemm il-ħtieġa ta’ sistema fissa li biha persuna tkun komda titfa’ fix-ħin trid u sistema li ma tirriflettix il-ħtieġa li l-kuntrattur jiġbor l-iskart sa ċertu ħin għax dan se jkun hemm b’mod li se jkun ippreservat u kollox”.

Bżonn ta’ Kunsill innovattiv u proattiv b’appoġġ mill-Gvern

Imbagħad, skont dan l-eks Viċi Sindku żagħżugħ, jekk irridu mmorru oltre minnhekk, huwa ssuġġerixxa s-sistema li fost l-oħrajn jużaw l-Olanda. Spejga li f’dan il-pajjiż l-iskips taħt l-art saħansitra huma installati b’teknoloġija li tirrifletti l-carbon footprint tal-persuna, jiġifieri kemm ikunu qegħdin jarmu u jekk humiex jirriċiklaw kif suppost.

“Din tagħmlilna kuraġġ biex fl-ewwel post ikun aktar faċli li tinforza; it-tieni biex tqajjem aktar kuxjenza u t-tielet, ikollna aktar data li l-pajjiż li jista’ juża ħalli verament jilħaq il-miri ta’ sostenibbiltà li hemm stipulati fuq livell Ewropew,” elenka Zarb.

Min-naħa tiegħu huwa jemmen f’kunċetti bħal dawn u li jkun hemm Kunsill li lest li jisma’, li jkun innovattiv u li jagħmel il-ħtiġijiet li hemm bżonn. Tali proġett, fl-opinoni tiegħu, jista’ jsir biss bl-appoġġ tal-Gvern Ċentrali.

“Issa rridu naraw jekk u kemm il-Kunsill il-ġdid huwiex kapaċi jinnegozja u jġib il-ħtiġijiet tal-lokalità l-ewwel. Però, nemmen li soluzzjoni dejjem hemm. Il-Kunsill preċedenti konna diġà ġibna stabbilità b’ħafna fondi u qafas fir-rigward. Dan diġà huwa progress kbir għall-Kunsill ta’ warajna li jista’ jkompli jibni fuq dan l-investiment li għamilna. Il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar il-ġdid irid ikun proattiv u jrid ukoll jinvesti fl-infurzar. Kemm il-Kunsilliera, kif ukoll il-Kunsill kollu, iridu jaħdmu biex jagħmlu dan possibbli,” temm b’parir Carlos Zarb.

Ekonomija

Sport