Saturday, July 20, 2024

Is-soluzzjonijiet qatt ma jinkisbu fil-kamp tal-battalja – il-Ministru Ian Borg

Aqra wkoll

“Soluzzjonijiet dejjiema qatt ma jinkisbu fil-kamp tal-battalja imma billi nżommu mal-impenji tagħna u billi nieħdu sehem fi djalogu kostruttiv b’rieda tajba.”

Il-Ħadd, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropew u l-Kummerċ Ian Borg indirizza s-Summit dwar il-Paċi fl-Ukrajna, fl-irwol tiegħu bħala ċ-Chair-in-Office tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE). Is-summit sar fl-Iżvizzera, bis-sehem tal-mexxejja ta’ 100 pajjiż u organizzazzjoni internazzjonali oħra. Malta kienet rappreżentata wkoll mill-President tar-Repubblika, Myriam Spiteri Debono.

Il-Ministru Borg saħaq dwar l-importanza tal-irwol tal-OSCE bħala organizzazzjoni inklussiva, li tagħti pjattaforma għad-djalogu fost is-57 membri tagħha, li jinkludu lill-Ukrajna u r-Russja. Il-Ministru Borg enfasizza l-esperjenza estensiva u l-għodda għall-immaniġġjar tal-kunflitti li għandha l-Organizzazzjoni, u kif dawn jistgħu jiġu adattati biex jappoġġjaw it-triq ‘il quddiem għall-paċi fl-Ukrajna.

“Iż-żieda fin-numru ta’ vittmi u t-tbatija imposta fuq ħafna familji mhumiex aċċettabbli. Huwa għalhekk li aħna qed nagħtu l-appoġġ sħiħ tagħna lill-Ukrajna f’dan iż-żmien ta’ kriżi u sofferenza,” qal il-Ministru, filwaqt li żied jgħid li “kemm fl-irwol ta’ chairperson tal-OSCE kif ukoll bħala membru elett tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, Malta tibqa’ impenjata fid-direzzjoni ggwidata mill-prinċipji tagħna, sabiex inħeġġu lir-Russja tirtira mit-territorju tal-Ukrajna u ttemm il-gwerra t’aggressjoni tagħha minnufih.”

Il-Ministru Borg fakkar li l-ewwel żjara tiegħu bħala Chair-in-Office tal-OSCE kienet fi Kyiv aktar kmieni din is-sena, fejn tenna l-impenn tal-Organizzazzjoni li ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-Ukrajna biex tilqa’ għall-konsegwenzi umani devastanti ta’ din il-gwerra.

“Bħala ċ-Chairperson tal-OSCE, li sservi 57 stat parteċipant, qed insostnu d-determinazzjoni tagħna li nkomplu nappoġġjaw u niffaċilitaw djalogu effettiv, djalogu mmirat lejn il-ksib tar-riżultati, għall-paċi fl-Ukrajna,” żied jgħid.

“Illum aktar minn qatt qabel jeħtieġ li nerġgħu lura għall-viżjoni li fuqha twaqqfet l-OSCE, fejn is-sovranità u l-integrità territorjali jkunu rispettati u fejn il-komunitajiet tagħna jkunu jistgħu jgħixu f’paċi vera u dejjiema, mingħajr theddid għas-sigurtà tagħhom,” appella l-ministru.

Malta bdiet 12-il xahar ta’ presidenza tal-OSCE f’Jannar taħt it-tema, “Insaħħu r-Reżiljenza, Intejbu s-Sigurtà”, wara li ġiet eletta unanimament biex tmexxi din l-organizzazzjoni għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, f’Novembru tal-2023.

Ekonomija

Sport