Sunday, December 22, 2024

Is-sostenibbiltà, ir-reżiljenza ekonomika, u l-kompetittività huma t-triq ‘il quddiem għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħna

– Il-Prim Ministru Robert Abela fis-Summit EU-CELAC fi Brussell

Aqra wkoll

Is-saħħa tal-valuri komuni għandha twassalna għal aktar koperazzjoni bejnietna, u għal aktar opportunitajiet għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħna. Dan fi żmien fejn ninsabu f’salib it-toroq f’xenarju globali li nbidel b’mod sinifikanti, mill-aħħar Summit CELAC li sar tmien snin ilu, li qed iġib miegħu sfidi li affettwaw il-pajjiżi kollha. Biċ-ċavetta għal aktar soċjetajiet u ekonomiji robusti u reżiljenti hija l-bilanċ bejn is-sostenibbiltà, ir-reżiljenza ekonomika u l-kompetittività.

Dan qalu l-Prim Ministru Robert Abela fl-interventi tiegħu fis-Summit li laqqa’ 27 Mexxej tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ma’ Kapijiet ta’ Gvernijiet jew Rappreżentanti ta’ 33 stat tal-Amerika Latina u l-Karibew, imsejħa bħala CELAC fi Brussell. Matul dan is-Summit, il-Prim Ministru tenna li s-saħħa tar-rabtiet bejn il-pajjiżi, kemm f’relazzjonijiet bilaterali kif ukoll inter-reġjonali, u s-sħubijiet f’oqsma ta’ interess komuni għandhom iwasslu għal aktar opportunitajiet għall-benefiċċju reċiproku tal-pajjiżi tal-UE u dawn l-istati. B’kummerċ miftuħ, il-Prim Ministru Robert Abela qal li jippreżenta potenzjal b’saħħtu biex tiġi msaħħa r-relazzjoni kummerċjali u toħloq impjiegi ġodda, b’Malta tappoġġja ukoll il-ħidma tal-Unjoni Ewropea biex jissaħħu dawn ir-relazzjonijiet.

Fl-isfond ta’ dawn id-diskussjonijiet, il-Prim Ministru madanakollu sostna li t-tkabbir u l-irkupru ekonomiku għandhom jassiguraw li ma jħallux effetti mhux mixtieqa fuq l-ambjent billi jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima, u li Malta bħala gżira u gżejjer oħra bħalha għandha realtajiet speċifiċi li għandhom jiġu salvagwardjati. Bil-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima kienu ukoll fuq l-aġenda ta’ Malta fil-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda. Hekk kif is-sostenibbiltà hija kruċjali għat-tranżizzjoni ħadra u diġitali, u din is-sħubija mġedda tassigura sforz akbar favur dawn it-tranżizzjonijiet. Dan f’linja ukoll mal-prijoritajiet tal-Gvern Malti li filwaqt li s-suċċess ekonomiku li għamilna fl-aħħar snin kien u għadu l-pedament tal-bidla pożittiva f’kull qasam tal-ħajja, qegħdin ninvestu f’Malta isbaħ b’investiment fl-ambjent ta’ pajjiżna, bil-kwalità tal-ħajja fiċ-ċentru ta’ ħidmietna.

Il-Prim Ministru kkonkluda li dan is-Summit kien wieħed ta’ importanza u b’sinifikat akbar fl-isfond tal-kuntest ġeo-politiku u qed juri kif relazzjoni b’saħħitha bejn il-pajjiżi mhux biss twassal għal aktar stabbiltà u paċi iżda tindirizza ukoll sfidi globali bħat-tibdil fil-klima u l-protezzjoni tal-ambjent kif ukoll tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini. Għalhekk, dan huwa mument kritiku biex din is-sħubija tiġġedded u tissaħħaħ biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi.

Ekonomija

Sport