Saturday, December 21, 2024

IS-SOSTENIBBILTÀ TAL-PENSJONIJIET 

Aqra wkoll

Is-sostenibbiltà tal-pensjonijiet f’dawn l-aħħar ġimgħat reġgħet tpoġġiet fuq l-aġenda nazzjonali. Riflessjoni ta’ dan huwa kemm il-fond tal-pensjoni se jibqa’ jlaħħaq mal-ispiża dejjem tikber billi llum in-nies qed jgħixu aktar grazzi għall-avvanzi fix-xjenza medika kif ukoll minħabba li l-familji m’għadhomx ikunu kbar kif kienu fl-imgħoddi. Illum rarament issib familji li huma aktar minn erba’ persuni. 

Dawn il-fattur jwasslu biex ikun hemm inqas dħul fil-fond tal-pensjonijiet. Konxju ta’ dan, ftit ġimgħat ilu l-General Workers’ Union (GWU) u l-Kamra tal-Kummerċ ingħaqdu f’inizjattiva li permezz tagħha nidew proposti għal riforma sħiħa fis-sistema tal-pensjonijet. Dawn il-proposti huma mmirati lejn l-anzjanità attiva, iż-żieda fl-attività soċjali fost l-anzjani li jkunu jixtiequ jibqgħu jaħdmu kif ukoll sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja wara li persuna tagħżel li tirtira. 

Din l-inizjattiva hija biss il-bidu billi l-GWU hija kommessa li għaż-żmien li ġej tressaq iżjed proposti oħra innovattivi biex mhux biss ikabbru d-dħul finanzjarju għall-Gvern imma wkoll biex l-anzjanità tkun verament waħda attiva. Il-pajjiż irid ikompli jagħraf kif jibqa’ juża l-esperjenza ta’ dawk li jkunu laħqu l-età tal-irtirar imma li jkunu wrew ix-xewqa li jkompli jagħtu kontribut fis-suq tax-xogħol. 

Hemm diversi modi kif din ix-xewqa tal-anzjani tkun tista’ tiġi konkretizzata. L-anzjanità attiva ma tfissirx biss li anzjan jibqa’ jaħdem imma wkoll li jieħu sehem f’dawk l-affarijiet li jinteressawh fis-soċjetà.

Nifhmu li għandu jkun hemm skemi addizzjonali li jkunu mmirati lejn dan il-għan. Imma biex dan ikun jista’ jitwettaq l-anzjani għandhom ikunu inċentivati biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom. Għalhekk kienet għaqlija l-proposta li ressqet il-GWU kemm għall-budget li għadda u anke għall-manifest elettorali tal-partiti sabiex il-pensjoni ta’ dawk li jagħżlu li jibqgħu jaħdmu ma tkunx intaxxata. 

Għandna għax nifhmu li l-Gvern huwa kommess li jindirizza din is-sitwazzjoni fiż-żmien mhux ‘il bogħod. B’hekk, filwaqt li ma nkunux qegħdin nitilfu wkoll mill-esperjenza ta’ dawn l-anzjani, inkunu wkoll qed nuru apprezzament għall-kontribut tagħhom kemm tal-imgħoddi u anke tal-ġejjieni. 

Ekonomija

Sport