Saturday, September 14, 2024

Is-sottovarjant tal-Omicron BA.2 qiegħed jiddomina d-dinja

Aqra wkoll

Is-sottovarjant tal-Omicron li huwa magħruf bl-isem ta’ BA.2 issa qiegħed jiddomina madwar id-dinja kollha, fejn dan qiegħed iwassal għal żieda sostanzjali fil-każijiet madwar l-Ewropa u l-Ażja filwaqt li qiegħed inissel tħassib fl-Istati Uniti fejn hemm jista’ wkoll jikkawża mewġa ta’ infezzjonijiet. 

Skont l-aħħar informazzjoni miġbura, is-sottovarjant BA.2 qiegħed jiġi identifikat fi kważi 86% tal-każijiet madwar id-dinja. L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qalet li dan il-virus għandu l-kapaċità li jinfirex b’iktar faċilità minn sottovarjanti oħrajn tal-Omicron bħal BA.1 u BA.1.1, iżda s’issa l-evidenza qiegħda turi li dan mhux iktar perikoluż minnhom.

Bħal viruses kollha fi ħdan il-familja Omicron, it-tilqim jidher li huwa inqas effettiv fuq il-BA.2 meta mqabbel virus oriġinali tal-Covid-19, u l-protezzjoni li t-tilqima toffri kontrih tonqos maż-żmien. Iżda skont il-UK Health Security Agency, it-titqiba tal-bo­oster toffri protezzjoni adegwata li tgħin biex inqas persuni jispiċċaw l-isptar jew jmutu. 

It-tħassib ewlieni dwar il-BA.2 kien dwar jekk dan għandux il-kapaċità li jerġa’ jinfetta lil dawk il-persuni li diġà kellhom il-BA.1, u dan hekk kif għadd ta’ pajjiżi bdew jesperjenzaw “mew­ġiet doppji” ta’ infezzjonijiet qrib ta’ xulxin. Iżda skont dejta miġbura mir-Renju Unit u d-Danimarka jidher li filwaqt li l-Omicron kellu l-kapaċità li jinfetta persuni li jkunu diġà rkupraw minn varjanti oħrajn bħad-Delta, huma ftit ħafna dawk li kellhom il-BA.1 (l-Omicron oriġinali) u issa laqqtu l-BA.2

Min-naħa tagħhom ix-xjen­tisti qed jgħidu li wisq probabbli r-raġuni li qed naraw żieda sostanzjali ta’ in­fezzjonijiet BA.2 hija minħabba li dan is-sottovarjant laqat lid-dinja fl-istess waqt li għadd ta’ pajjiżi bdew ineħħu r-restrizzjonijiet. Ix-xjen­tisti tennew li filwaqt li dan il-virus jidher li mhux iktar perikoluż minn dawk ta’ qablu, hemm bżonn li wieħed jieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa.

Ekonomija

Sport