Saturday, January 17, 2026

Is-Soup Kitchen serviet 28,500 persuna fl-2025

Aqra wkoll

Is-Soup Kitchen tal-Franġiskani fil-Belt Valletta serviet 28,500 persuna s-sena li għaddiet. Dawn il-persuni kienu ġejjin minn dawn il-lokalitajiet: il-Belt Valletta, il-Furjana, il-Marsa, Ħal Qormi, Ħaż-Żebbuġ, San Pawl il-Baħar, Ħal Kirkop, Pietà, l-Imsida, il-Gżira, il-Ħamrun, Ħal Luqa, Bormla, Birkirkara, Raħal Ġdid, Tas-Sliema, il-Fgura, l-Imtarfa u Santa Venera. 

Jirriżulta li fl-2025, is-Soup Kitchen ippreparat 85,500 platt ikel għal nofsinhar u 27,100 ikla għal filgħaxija. Barra minn hekk, din tħaddem persuna fuq bażi full-time u oħra fuq bażi part-time, filwaqt li hemm sitt voluntiera li huma membri tal-Bord u 75 voluntier ieħor li jaħdmu bħala helpers.

Dawn il-helpers ġejjin minn 62 pajjiż differenti minn madwar id-dinja kollha. Fl-istess waqt hemm ukoll avukat, żewġ infermiera, social workers u persuna oħra li hi hairdresser, li lkoll jagħtu s-servizz tagħhom.

Flimkien ma’ dawn il-voluntiera, is-Soup Kitchen tiddependi ħafna wkoll fuq id-donazzjonjiet li jsiru. Fl-2025, kien hemm 68 kumpanija u 1,140 individwu li taw id-donazzjonijiet tagħhom filwaqt li saru mal-1,800 żjara mill-iskejjel, kumpaniji u Youth Centres. 

Is-Soup Kitchen OFM Valletta fetħet il-bibien tagħha fil-25 ta’ Jannar 2021.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport