Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn it-Triathlon?
Wara 12-il sena nipprattika l-Volleyball, xtaqt xi ħaġa li tagħtini l-libertá nittrenja fil-ħin li rrid. Is-sabiħ tat-Triathlon li m’hemmx monotonija għaliex dejjem varjat.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq l-aħħar esperjenza li.kellek fit- Triathlon barra minn xtutna eżattament fil-Polonja?
Din kienet l-ewwel darba li tellaqt barra minn Malta. Għall-bidu kont nervuż ħafna minħabba l-loġistika kollha li trid tieħu ħsieb, speċjalment li żżarma, iġġorr u tarma r-rota mill-ġdid. Is-serjeta’ fl-organizzazzjoni u l-għajnuna li sibt mill-ħbieb għenuni nikkalma u nikkonċentra sew għat-tellieqa. Ix-xhur twal ta preparazzjoni għaliha għenuni nagħmel ħin tajjb kif xtaqt u b’hekk tejjibt il-ħin li kont ksibt fl-2020 hawn Malta bi tmien minuti.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?
Is-suċċess fit-Triathlon għalija huwa iktar personali minn dak tal-midalji u t-trofej. Dejjem fittixt li ntejjeb il-prestazzjoni tiegħi bħala suċċess aħħari. Peró, tul is-snin irċevejt tliet rikonoxximenti: ġejt fl-għaxar post minn 180 aleta fl-iskema ‘Triathlete of the Year Award’ li jippremja atleti f’kull tellieqa matul l-istaġun 2015 u iktar tard ġejt l-ewwel għal sentejn sħah fil-kategorija ‘Over 35’ fil-Malta Triathlon Championships.
Kif tqis il-livell tat-triathlon f’pajjiżna fil-preżent?
Din hija mistoqsija diffiċli ħafna biex inwieġeb. Minn banda nsegwi hafna mill-ħbieb atleti tieghi inkluż Fabio Spiteri li għamel ħafna unur lil pajjiżna barra minn xtutna. Min-naħa l-oħra nara l-parteċipazzjoni fi tlielaq lokali baxxa ħafna u allura bħala atleta tnaqqas l-istimolu biex tipparteċipa u tipprova ittejjeb il-prestazzjoni personali.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrgu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Bħala riżorsi u faċilitajiet għat-taħriġ ma nħossx li daqshekk neqsin. Meta mqabbel mal-preparazzjoni li jkollhom atleti barra minn xtutna nara qabża kbira għax atleti barranin jirċievu ghajnuniet li ma jiqfux biss għal infrastruttura imma jkopru tim ta’ speċjalisti li jieħdu hsieb kull aspett tal-ħajja t’atleta bħal nutrizjonisti u psikologi.
Bħala kompetizzjoni, l-iktar aspett li nħossu nieqes huwa dak tal-varjeta’ fit-tlielaq. Triq il-Kosta hija l-iktar triq li tellaqt fiha tul is-snin imma għandi memorji sbieħ hafna meto l-organizzaturi ippreparaw tlielaq li seħħew f’postijiet oħra li allura joffri sfidi differenti għall-atleti.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fit-Triathlon?
Dan l-aħħar sirt inħares lejn it-Triathlon imsejħa ‘Ironman 70.3’ li hija fuq distanza ta’ 113-il kilometru. Hija tellieqa li għamilt tliet darbiet, inkluża dik li għadni kemm lestejt fil-Polonja. Inħoss li hija sfida kbira li nipprova ntejjeb il-ħin li għandi. Nittama li tlielaq bħal dawn jerġgħu jiġu organizzati f’Malta.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika t-Triathlon.
It-Triathlon huwa sport sabiħ u varjat. Fih ħafna distanzi differenti li joffru sfidi differenti kemm għal min ikun għadu jibda kif ukoll għal min ikun ilu jipprattikah.