Friday, August 8, 2025

‘Is-suċċess f’kull tip ta’ karriera jiġi b’sagrifiċċju u dedikazzjoni’ – Dean Sciberras

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet mindu kont tifel ċkejken. Kull fejn kont immur dejjem kont tarani b’xi ballun, jekk hux l-iskola jew il-bandli, dejjem kont inġorr il-ballun miegħi u nara ma’ min ħa nilgħab! 

Bħal ħafna tfal oħra, meta l-ġenituri tiegħi rawni interessat fil-futbol, daħħluni ma’ nursery, u minn hemm l-imħabba tiegħi għall-futbol dejjem kompliet tikber.

U għaliex għażilt proprju r-rwol ta’ goalkeeper?

Id-deċiżjoni li nilgħab bħala goalkeeper ġiet b’mod naturali.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Pembroke Athleta FC.

L-esperjenza tiegħi personalment ma’ Pembroke Athleta FC sa issa kienet waħda pożittiva. Sibt klabb u coaching staff li wera l-fiduċja tiegħu lejja mill-bidu sal-aħħar tal-istaġun.

X’tikkummenta fuq l-andament ta’ Pembroke Athleta FC matul l-istaġun li għadda fin- National Amateur League 1?

Għalkemm it-tim ma kellux staġun faċli s-sena l-oħra fejn kellna ħafna injuries, xorta waħda lħaqna t-tragward tagħna. Peró, bħal kollox fil-ħajja, f’mumenti diffiċli huwa fejn wieħed verament jikber u jitgħallem.

Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?

Lejn l-istagun li ġej qed inħarsu b’ottimiżmu u pożittivitá. Konxji li l-investiment u l-livell qed iżid kull sena, peró, kif diġá għidt nemmen li l-esperjenzi li għaddejna minnhom is-sena l-oħra minnhom għallmuna ħafna, u nitgħallmu mill-iżbalji li għamilna bħala tim.

X’tikkummenta fuq il-Kowċ, Jeffrey Mifsud?

Il-Kowċ Jeffrey Mifsud huwa kowċ dedikat u dixxiplinat kemm tattikament kif ukoll magħna l-plejers, peró huwa kowċ li jaf isib bilanċ u jifhem il-plejer ukoll. It-taħriġ tiegħu dejjem ikun ippjanat, intensiv u jagħtina informazzjoni kemm jista’ fuq it-tim avversarju li nkunu ħa nilagħbu kontrih. 

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għall-istaġun li ġej?

lt-tragward tagħna huwa bla dubju li nżomma postna fid-diviżjoni li qegħdin fiha. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Fil-futur ma tantx naħseb. Nieħu t-taħriġ bis-serjetá, u kull sessjoni ta’ taħriġ nipprova nagħti l-massimu tiegħi. B’hekk biss nista’ nżomm ruħi fit u nista’ nkun ta’ għajnuna għat-tim tiegħi.

Peró, ‘il quddiem jogħġobni wkoll rwol ta’ kowċ fil-futbol.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Li tagħmel karriera mill-futbol hija xi ħaġa sabiħa, peró mhux faċli kif jaħsbu ċerti nies. Is-suċċess f’kull tip ta’ karriera jiġi b’sagrifiċċju u dedikazzjoni.

Is-sabiħ tal-futbol hu li tagħmel ħbieb ma’ nies bl-istess stil ta’ ħajja, li jagħmlu l-istess sagrifiċċji u li jemmnu fl-istess prinċipji.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport