Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imhabba tiegħek lejn l-atletika?
Fl-iskola bdejt nipprattika l-atletika ta’ 11-il sena, u meta bdejt nara li kont qed nkiseb ir-riżultati tajbin għamilt kuraġġ biex nibda nippratika dan l-isport. Meta kelli ħmistax-il sena bdejt nieħu dan l-isport bis-serjetà meta kelli ħmistax-il sena. Fitt xhur qabel ma bdiet il-pandemija ħadt sehem f’xi tlielaq fit-triq u bdejt nieħu gost, min hemmhekk ma ħaristx iktar lura. Meta faqqgħet il-pandemija f‘Marzu 2020, jiena bdejt nitħarreġ waħdi fit-toroq. Għall-bidu kont nitħarreġ tliet darbiet fil-ġimgħa peró meta bdejt nara li qed immur tajjeb bdejt nieħu it-taħriġ iktar bis-serjetà u llum nitħarreġ kuljum.
X’suċċessi maġġuri rnexxielek tikseb sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?
Din is-sena irbaħt il-Kampjonati Nazzjonali tal-10000m f’ħin ta’ 30 minuta u 46 sekonda li huwa wkoll record nazzjonali ta’ taħt 23-il sena. B’dan il-ħin din is-sena jiena qiegħed klassifikat fl’87 post fost l-atleti fl-Ewropa ta’ taħt 23-il sena.
Barra min hekk, fl-aħħar 3 snin irnexxieli nistabbilixxi rekords ġodda li qabel kienu ilhom hemm għal aktar minn 25 sena. Fil-fatt bħalissa minbarra r-rekord nazzjonali tal-U23 fuq l-10000m, għandi wkoll ir-rekords nazzjonali fuq il-5000m b’ħin ta’ 14:51 u n-nofs maratona b’ħin ta’ 67 minuta u 41 sekonda. Irbaħt ukoll diversi tlillaq lokalment.
Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
L-istandard tal-kompetizzjoni fost l-atleti lokali tjieb ħafna. Fil-fatt l-għadd ta’ rekords nazzjonali li ġew stabbiliti fl-aħħar ftit snin, juri kemm il-livell tal-atleti lokali tjieb. Jiena nara futur sabiħ għall-atletika Maltija u naħseb li l-prestazzjonijiet tal-atleti lokali ser jkompli jitjieb. Is-suċċess tal-atleti Maltin f’kompetizzjonijiet internazzjonali huwa xhieda ta’ dan.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
F’dawn l-aħħar ftit snin rajna investiment kbir fil-faċilitajiet sportivi tal-atletika. Huwa importanti li nkomplu ninvestu kemm fil-faċilitajiet ta’ taħriġ tagħna kif ukoll fl-atleti. Il-popolarità tal-atletika qed tiżdied u fil-fehma tiegħi hemm bżonn ta’ mill-inqas track oħra tal-atletika biex taqdi d-domanda attwali u tal-futur. Nemmen ukoll li għandna bzonn ta’ faċilità tax-xjenza sportiva li taqdi kull tip ta’ sport mhux biss l-atletika. Nistgħu wkoll intejbu l-appoġġ għall-atleti li qed jitħarrġu fuq livell semi-professjonali.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
L-għan tiegħi hu li nkompli ntejjeb il-prestazzjonijiet tiegħi fuq il-5000m, l-10000m u n-nofs maratona. Irrappreżentajt lil Malta fil-livell ta’ taħt it-18-il sena, taħt l-20 sena u taħt it-23 sena iżda mhux fil-livell tas-Seniors. Nittama li fis-snin li ġejjin nidħol fit-Tim Nazzjonali tas-Seniors.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
Fl-atletika, bħall-ħajja, l-ewwel pass hu l-iktar important. Is-suċċess fl-atletika jeħtieġ dixxiplina, perseveranza, u passjoni bla waqfien. Importanti li wieħed jemmen fih innifsu, jibqa’ ddedikat, jaħdem iebes u jieħu l-isfidi bħala opportunitajiet biex jikber, jitgħallem mid-diffikultajiet, u jkompli jimxi ‘l quddiem. Kull pass u kull esperjenza tressaqek eqreb lejn il-ħolma tiegħek. Jekk wieħed jibqa’ ffukat, motivat, u ma jaqtax qalbu, is-sagrifiċċji jagħtu l-frott!

