Friday, April 25, 2025

Is-suċċess fl-isport mhuwiex ir-rebħa ta’ tellieqa, imma l-kuntentizza li tagħtik il-ħajja sportiva – Lara Buttigieg

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn it-triathlon u ċ-ċikliżmu.

Iċ-ċikliżmu minn dejjem kien sors ta’ żvog għalija. Minn mindu kont żgħira kont noħroġ nilgħab ma’ sħabi fit-triq bir-rota, ovvjament fi żmien fejn it-toroq kienu ħafna aktar kwieti, u s-sewwieqa aktar kalmi. Bir-rota konna nilagħbu noli, pulizija u ħallelin, intellqu fl-inżul, u anke nagħmel xirja żgħira bil-basktijiet imdendlin mal-‘handle bars’! Ma kontx nittrenja ċ-ċikliżmu ma’ klabb jew intellaq, peró gawdejt ir-rota bl-aħjar mod possibli. Madankollu kont nagħmel sport ieħor bħall-għawm, ġinnastika, atletika u futbol. It-triathlon sibtu ta’ 21 sena meta tellaqt tellieqa għall-kurżitá. Għalkemm batejt għax kont iktar imdorrijja ntellaq fil-qosor, ħadt pjaċir u minn hemm bdejt nikkompeti kemm fit-triathlon kif ukoll fiċ-ċikliżmu. 

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala kowċ ta’ dawn iż-żewġ dixxiplini differenti.

Bħala kowċ naħdem kemm mal-kbar kif ukoll mat-tfal. Barra minn hekk naħdem ukoll bħala akkademika fil-kowċing mal-MCAST u qiegħda nirriċerka il-kowċing permezz tad-dottorat mal-Universitá ta’ Liverpool, John Moores. Bħala kowċ, l-għan ewlieni tiegħi huwa li l-parteċipant jibqa’ jipprattika l-isport tul ħajtu kollha. Għaldaqstant, ir-rwoli tiegħi bħala kowċ huma tnejn. L-ewwel, li nassigura li l-atleta jieħu gost jagħmel l-isport, u t-tieni li niggwida l-atleta biex jiżviluppa bħala persuna fl-isport u fil-ħajja biex jilħaq l-għanijiet tiegħu. Biex jieħu gost, l-atleta jrid iħossu kunfidenti fl-isport imma jrid ukoll ikollu bażi ta’ sfidi li jimmotivawh jattendi t-taħriġ. Dejjem inżomm f’moħħi li l-ebda atleta ma jattendi t-taħriġ b’mod professjonali, iżda qiegħed jiġi għat-taħriġ wara ġurnata skola jew ġurnata xogħol. Għalhekk it-taħriġ irid ikun pjaċevoli u ta’ żvog, anke mil-lat soċjevoli. Irrid inżomm f’moħħi li l-atleta li qiegħed jitħarreġ, huwa ukoll persuna parti minn soċjetá barra mill-isport. Il-ħin li jqatta’ fit-taħriġ huwa ħin ‘il bogħod mill-familja. Għaldaqstant għandi dmir nirrispetta dan il-ħin u nifhem is-sagrifiċċju tal-parteċipant u s-sapport li qiegħed jirċievi mill-komunitá. 

Mat-tfal żgħar l-aħjar mod biex ngħinhom jikbru fl-isport u fis-soċjetá sportiva huwa bil-logħob. Bil-logħob mhux biss qegħdin jieħdu gost jipprattikaw movimenti u ħiliet differenti, imma qegħdin jitgħallmu kif jitħalltu u jikkompetu flimkien bħala ħbieb. B’hekk nibdew inrawmu l-‘isportmanship’ fil-karattru tat-tfal – karatteristika bażika għal kull sport. Jitgħallmu wkoll jieħdu telfa kif ukoll kif iġibu ruħhom meta jirbħu, u kif jaħdmu bħala tim. Meta nibdew inrawmu dawn il-karatteristiċi minn etá żgħira, naraw żvilupp sod fit-tfal minn kull aspett ta’ ħajjithom. 

It-tfal adoloxxenti jipprattikaw l-isport b’mod differenti, mhux għax ma ħaqqhomx jilagħbu, imma għax ħafna drabi, iktar ma jimmaturaw, iktar jibdew jieħdu l-isport bis-serjetá. Barra minn hekk dan iż-żmien huwa l-aħjar żmien biex nibdew ngħallmu l-parteċipanti kif jippreparaw ruħhom għat-taħriġ. Għalkemm il-logħob jibqa’ jagħmel parti sostanzjali tat-taħriġ, f’dawn l-etajiet nibda ndaħħal ukoll taħriġ iktar iffukat fuq l-isport. Nibdew nitgħallmu nagħmlu warm-up u cool down sewwa, nitgħallmu l-bżonnijiet speċifiċi tal-isport partikolari u għaliex it-taħriġ huwa maqsum b’ċertu mod. Niffukaw li nipperfezzjonaw ċerti ħiliet bħall-ġiri, għawm u cycling technique, nitgħallmu nikkontrollaw ir-rota u nitgħallmu ftit tattiċi importanti għat-tlielaq iktar ‘il quddiem. Minn hawn tibda tinduna għaliex it-taħriġ tat-tfal ma jistax jinkludi etajiet li jvarjaw wisq. 

L-adulti wkoll jitħarrġu differenti, peressli l-bżonnijiet tagħhom ivarjaw. Għalkemm ċertu taħriġ isir flimkien, ħafna mit-taħriġ isir fil-ħin liberu tal-parteċipant. Skont il-livell tal-atleta, it-taħriġ ivarja minn sessjonitiet individwali ta’ teknika, għal sessjonijiet ta’ intervals relatati mal-għanijiet tal-parteċipant. 

X’suċċessi maġġuri ksibt fil karriera tiegħek bħala atleta?

L-akbar suċċessi ghalijja kienu l-kisbiet fil-cross country triathlon, fejn mhux biss ipparteċipajt bħala Elite għal numru ta’ snin fi tlielaq internazzjonali inklużi Kampjonati tal-Eworpa u tad-Dinja, imma anke ksibt podju u rebħiet mal-aqwa atleti femminili tad-dinja. Dan waqt li kont qiegħda nistudja u naħdem full-time! Dawn l-esperjenzi esponewni għal-livell għoli ta’ sport li rari narawh lokali. Is-suċċess ma nqisux fil-podji imma fl-esperjenzi uniċi li tawni dawn il-kompetizzjonijiet. 

Kif tqis il-livell ta’ dawn l-isports f’pajjiżna fil-preżent?

Għalkemm il-livell għadu mhux paragun ma’ dak tad-dinja u ma dak ta’ pajjiżi oħra daqsna, nemmen li l-livell qiegħed jikber. Qiegħed jikber għax qiegħed isir investiment fl-iktar naħat importanti, speċjalment fit-triathlon, grazzi għax-xoghol tal-Federazzjoni. L-ewwel hija n-naħa tal-youths – il-futur tal-isport. F’dawn l-aħħar snin rajna ammont konsiderevoli ta’ opportunitajiet għaż-żgħażagħ tat-triathlon biex jattendu training camps u tlielaq barra minn Malta, fejn l-atleti qegħdin jitgħallmu kif jitħarrġu u jtellqu. It-tieni, qiegħed isir investiment fil-kowċis. Il-kowċis qed jirċievu għajnuna kemm biex jattendu korsijiet formali – dawk ta’ kwalifikazzjonijiet rikonoxxuti internazjonalment, kif ukoll korsijiet informali bħal CPDs (‘continuous professional development’). B’hekk it-taħriġ li joffru l-kowċis lokali qiegħed dejjem jitjieb, u l-atleta qiegħed ikollu opportunitá li jitħarreg b’mod sigur. 

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?

Ir-riżorsi tat-taħriġ u kompetizzjoni lokali minn naħa ta’ ċiklizmu qiegħed kulma jmur jonqos. Permessi kemm għall-għeluq ta’ toroq għat-tlielaq fit-triq kif ukoll permessi għal tlielaq fil-kampanja qegħdin isiru aktar u aktar restritti. Riżorsi għall-kompetizzjonijiet jinkludu wkoll voluntiera, li minħabba l-ħajja mgħaġġla u kompetittiva tal-lum qegħdin jonqsu. It-toroq saru ħafna iktar traffikużi, allura t-taħriġ fit- triq sar aktar restritt. Dan jaffettwa kemm iċ-ċikliżmu kif ukoll it-triathlon. Importanti nifhmu li s-cycle lanes tat-toroq huma iddisinjati għal min isuq ir-rota bilmod biex jivjaġġa minn post għall-ieħor u mhux biex isir taħriġ ta’ ‘l fuq minn 30 kilometru fis-siegħa fihom. L-infrastruttura taċ-cikliżmu f’Malta mhix magħmula għal taħriġ professjonali imma għall-ivjaġġar. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dawn l-isports?

Bħala kowċ nixtieq nibni akkademja professjonali li toffri kemm taħriġ għal sport tal-komunitá kif ukoll taħriġ għal atleti ta’ livell għoli. Bilmod il-mod din l-akkademja qiegħda ssir realtá. Bħala persuna perfezzjonista, naf li l-proċess se jkun wieħed twil, peró, ir-riżultat se jkun ‘worth it’!

Bħala atleta, naħseb li żmieni f’livell għoli għadda, mhux għax ġismi ma jiflaħx, imma għax l-għanijiet tiegħi nbiddlu. Nixtieq inkompli nipparteċipa imma aktar għall-gost u għall-imħabba li għandi għas-soċjetá tal-isport. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess f’dawn l-isports.

It-triq għas-suċċess fl-isport qatt m’hi lixxa. Iktar importanti minn taħriġ speċifiku u iebes, hija l-konsistenza u l-lonġevitá. Jekk dak li qiegħed tagħmel fit-taħriġ mhux sostenibbli għas-snin li ġejjin, importanti li ssib soluzzjoni għal taħriġ iktar sostenibbli. Taħrig inqas kumpless u pjan li jħallilek ħin u enerġija għall-bqija tal-ħajja soċjevoli tiegħek huma ċ-ċavetta għall-konsistenza li twasslek biex titjieb u tilħaq l-iktar livell għoli li kapaċi tilħaq. Is-suċċess fl-isport mhuwiex ir-rebħa ta’ tellieqa, imma l-kuntentizza li tagħtik il-ħajja sportiva!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport