Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-Hyrox?
Bdejt nittrenja l-hyrox qisu daqs sentejn ilu, fejn kont nara workouts fuq media soċjali li ħassejthom li kienu se jkunu ta’ sfida differenti mit-taħriġ li kont qiegħed nittrenja dak iż-żmien, fejn kienu workouts ta’ tul ta’ ħin ħafna iktar.
X’suċċessi maġġuri oħra ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?
Proprjament jien inżomm il-Hyrox bħala preparament għar-Regatta u fl-istess ħin nidħol għall-kompetizzjoni ‘l hemm u ‘l hawn biex inżomm l-isfida għaddejja. Dħalt hyrox f’kategoriji differenti li huma individials men, double men, double mix. Li wasalt dejjem sar-raba’ post bħala l-ogħla post. U tlajt darba nagħmilha Barcelona fi Spanja fil-kategorija men’s individual ukoll.
Kif tqis il-livell tal-Hyrox f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tal-hyrox f’pajjiżna qiegħed jogħla mmens minn kompetizzjoni għal oħra. Qed ikun hemm livell aktar għoli bħala ħinijiet.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Bħala riżorsi tuża l-gym li tkun tħallas il-membership fih. Bħala riżorsi ta’ kompetizzjoni l-aħħar waħda li dħalt għaliha li ttellgħet minn ‘The Club’ kellha set-up professjonali mmens u l-livell dejjem qed jogħla.
Int taqdef ukoll ma’ Birgu Regatta Club. Agħtina iktar dettalji, fosthom rigward l-aħħar suċċessi li ksibtu kemm fir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien u anke dik tal-Vitorja.
Iva, jien primarjament qaddief li bħalissa qiegħed naqdef ma’ belt tweliedi, il-Birgu, fejn għaddejjin minn perjodu ta’ suċċessi sbieħ fejn irbaħna l-aħħar żewġ Regatti ta’ Settembru u Marzu. Bħalissa qegħdin nippreparaw għar-Regatta ta’ Settembru li jmiss fejn jekk il-Bambin irid, irridu nkomplu b’suċċess ieħor.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-Hyrox u fir-Regatta?
Inħares lejn il-futur tiegħi li dejjem inżomm ruħi attiv, kemm jekk regatta, hyrox, ġiri u kull tip ta’ sport ieħor li jien nipprattika. L-importanti li dejjem tibqa’ għaddej u ssib sfidi ikbar.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-Hyrox.
Il-messaġġ tiegħi huwa li l-hyrox hija tellieqa li kapaċi jagħmilha kulħadd b’naqra sagrifiċċju u fiduċja fik innifsek. Is-suċċess jiġi billi tibda tittrenja u tagħti prijoritá għall-ħin ta’ eżerċizzju u dejjem tisfida u ssib għanijiet u tragwardi ikbar milli jkollok.