Minn Cristian Muscat
Il-weightlifter żagħżugħa Tenishia Thornton kitbet l-istorja f’dan l-isport hekk kif ġiet inkurunata bħala champion tad-dinja fil- kampjonati taż-żgħażagħ tal-International Weightlifting Federation li saru fil-jiem li għaddew fil-Messiku.
Thornton, li għandha 16-il sena, temmet il-kompetizzjoni fl-ewwel post ġenerali fil-kategorija tal-55 kilogramma. Hija rnexxielha tegħleb l-isfida ta’ 16-il atleta ieħor minn 13-il pajjiż differenti fosthom l-Eġittu, il-Messiku, l-Awstralja, il-Kanada, il-Kroazja, l-Ekwador, l-Istati Uniti, l-Italja, it-Tuneżija, it-Turkija, l-Indja, u New Zealand.
Wara li Thornton ma bdietx daqshekk tajjeb hekk kif tilfet l-ewwel tentattiv ta’ 76 kilogramm fl-isnatch, marret aħjar fit-tieni wieħed. Hija kellha sfida minn lifter Messikana b’Thornton tirkupra sew hekk kif refgħet 78 kilogramm fit-tielet tentattiv tagħha.
Fil-kategorija tal-Clean & Jerk, Tenishia kisbet refgħa tajba ta’ 96 kilogramma u baqgħet tiela’ għal 98 kilogramm sa ma waslet għal 100 kilogramma. Ovvjament, dan kollu wassal sabiex hi tispiċċa fl-ewwel post ta’ din il-kompetizzjoni ferm prestiġjuża.
Dan il-ġurnal għamel kuntatt ma’ Thornton li dehret ferm kuntenta b’dak li rnexxielha tikseb għalkemm hija atleta ferm umli li dejjem iżżomm saqajha mal-art.
Kif qed tħossok wara li rnexxielek tispiċċa champion mondjali taż-żgħażagħ fil-kampjonati li saru fil-Messiku?
Ninsab ferm kuntenta li rnexxieli nagħmel dan kollu. Din hi xi ħaġa li qatt ma saret f’Malta u għalhekk is-sodisfazzjon jikber dejjem aktar. Din hija wkoll l-ewwel midalja f’dawn il-kampjonati fuq livell ta’ żgħażagħ speċjalment it- tliet midalji tad-deheb li rbaħt. Hi xi ħaġa li se nibqa’ niftakarha għal dejjem, xi ħaġa memorabbli li diffiċli ninsiha.
Ovvjament mingħajr ċerti nies ma kontx nasal biex nikseb dan is-suċċess.
Insemmi lill-coach u president tal-Malta Weightlifting Association, Jesmond Caruana, li kien l-ixprun sabiex wasalt fejn wasalt, iżda ma rridx ninsa l-ġenituri tiegħi u dawk kollha li jagħtuni ħafna kuraġġ.
Minkejja kollox jien saqajja mal-art għax dejjem għad fadalli x’nitgħallem f’dan l-isport u bl-ebda mod ma jien se nħalli dan is-suċċess jitlagħli għal rasi.
Kif kont qed tipprepara fiżikament u anke mentalment għal din il-kompetizzjoni?
L-ewwelnett ippreparajt fejn għandu x’jaqsam is-saħħa psikoloġika li hu lat importanti ħafna.
Il-preparamenti u t-taħriġ ilu għaddej u dan kollu jinvolvi sigħat twal.
Minkejja kollox wasal il-mument tant mistenni u jien kif għedtlek żammejt saqajja mal-art u ma poġġejt l-ebda pressjoni fuqi nnifsi.
Ħdimt ukoll fuq lat ieħor grazzi wkoll għall-coach fejn ma ħallejtx l-istress jegħlibni. B’hekk nemmen li dawn l-ingredjenti kollha waslu għal dan is-suċċess enormi.
Taħseb li lħaqt il-quċċata tal-karriera tiegħek permezz ta’ dan is-suċċess uniku, minkejja li għad għandek biss 16-il sena?
Le … jien ma ngħidx li lħaqt il-quċċata minkejja dan ir-riżultat ferm prestiġjuż.
Għad fadalli ħafna x’nitgħallem … għadni żgħira u kollox jiġi bil-mod. Hemm aktar għanijiet lejn xiex irrid nimmira fosthom il-Logħob tal-Commonwealth u l-kampjonati Ewropej.
Kull kompetizzjoni hi importanti u għalhekk trid tingħata piż. Barra minn hekk għandi objettiv ċar fis-snin li ġejjin u hu dak li nikkwalifika għal-Logħob Olimpiku.
Se nistinka ferm għaliha għax kull atleta jimmira li jasal lejn dak il-livell.
Grazzi għall-ħidma tal-coach tiegħi u tal-familja tiegħi li qed jissapportjawni nemmen li kapaċi nagħmilha.
Ħa mmorru issa għall- ewwel passi tiegħek fil- weightlifting. Kif għażilt il-weightlifting fost sport ieħor?
Minn mindu kont żgħira dejjem kont inmur il-gym tal-Crossfit ma’ missieri u kont nipprova nagħmel bħalu għaliex vera kien ta’ ispirazzjoni u għalhekk minn dejjem ridt li nagħmel sport li jinvolvi il-piż tqil. Barra minn hekk huwa sport ta’ sfida u iktar jagħtini kuraġġ biex nistinka iktar.
X’tikkummenta fuq il- president tal-Malta Weightlifting Association, Jesmond Caruana, li huwa ukoll il-coach personali tiegħek?
Jesmond jagħti ħafna mill-ħin tiegħu lill-weightlifting – tista’ tgħid iddedika ħajtu għal dan l-isport għaliex imexxi l-kumitat kif ukoll jikkowċjana.
Barra li jikkowċjani u jgħamilli l-programm speċifikament għalija, jagħmel ukoll ħafna sagrifiċċji meta tkun se tiġi organizzata xi kompetizzjoni hawn Malta għaliex f’kompetizzjoni hemm ħafna xogħol li ma jidhirx iżda mingħajru ma jkun jista’ jsir xejn.
Ovvjament ikun hemm il-kontribuzzjoni tal-voluntiera iżda xorta waħda x-xogħol li jagħmel il-coach huwa xogħol li l-kompetizzjoni timxi fuqu u fejn pajjiżi oħra għandhom team sħiħ imexxi l-ewwel parti tal-kompetzzjoni.
F’Malta għandna lil Jesmond li jieħu ħsieb il-maġġoranza tax-xogħol li fiha kompetizzjoni.
Madankollu, nista’ ngħid li f’għajnejja Jesmond huwa l-iktar persuna li jaħdem favur l-isport tal-weightlifting Malti u mingħajru l-isport ma jistax ikompli jiżviluppa u jilħaq il-massimu tiegħu.
Xi spejjeż partikolari jinvolvi l-isport tal-weightlifting?
Bħala ammont ta’ flus li toħroġ għall-kompetizzjoni mhumiex ħafna għaliex hemm l-għajnuna tal-assoċjazzjoni.
Minbarra dawn hemm l-ispejjeż bażiċi biex inti tkun tista’ tagħmel l-isport b’mod iktar effiċjenti u ta’ sigurtà bħalma huma l- ispejjeż għaż-żarbun tal- weightlifting, aċċessorji biex tippreveni l-injuries u l-uniformi li tintuża għal waqt il-kompetizzjoni.
U l-weightlifting jinvolvi xejn injuries?
Kull sport jinvolvi l-injuries jekk ma jkunx ipprattikat b’mod sew. Il-coach tagħna Jesmond Caruana l-ewwel li jibda billi jgħallem sew it-teknika mbagħad wara li t-teknika tkun preċiża jibda jiżdied il-piż jiġifieri għalkemm kull sport fih l-injuries, l-isport tagħna jinsab f’idejn tajbin u b’hekk in-numru ta’ injuries dejjem jonqsu.
Tista’ tgħaddi messaġġ lit-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li jixtiequ jaqbdu karriera fl-isport?
Nixtieq ngħidilhom biex qatt ma jaqtgħu qalbhom u li jippruvaw l-isport li verament jogħġobhom. L-importanti li jippruvaw.
Fejn għandu x’jaqsam il-weightlifting, illum hawn aktar kuxjenza dwar li hu sport għal kulħadd, jiġifieri, m’hemmx irġiel u nisa.
Hawn nisa li qed jiksbu suċċessi f’dan l-isport u f’dixxiplini oħra wkoll.
Ladarba jkollok coach tajjeb (u jien ixxurtjata li għandi wieħed tajjeb f’Jesmond Caruana) m’hemmx għalfejn tibża’ tipprattika din id-dixxiplina. Fuq kollox, ngħidilhom li hu importanti li jistinkaw u b’hekk joħorġu l-potenzjal kollu tagħhom.
Jien għalija l-weightlifting għeni sabiex nikber fiżikament, soċjalment u anke psikoloġikament minħabba li tani ħafna sodisfazzjon.
Nawgura minn qalbi li min jaqbad l-isport favorit tiegħu jkun jista’ tabilħaqq iħoss dawn l-emozzjonijiet li nħoss jien ta’ kuljum permezz tal-weightlifting!