Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
Minkejja li meta kont għadni żagħżugħ kont inħobb ħafna l-qdif, l-għawm u ċ-ċikliżmu, l-imħabba tiegħi lejn l-atletika bdiet fl-2016 ta’ 34 sena fejn wara li kont irnexxieli nnaqqas il-piż, kollega superjuri tiegħi kien ħeġġiġni biex nibda nieħu sehem f’tiġrijiet lokali. F’Settembru tal-2016 kont għamilt l-ewwel tellieqa ta’ ħames kilometri u minn dakinhar nibtet l-imħabba lejn l-atletika u lejn il-kompetizzjonijiet relatati magħha. Għamilt sena nittrenja u nikkompeti waħdi mbagħad minn Settembru tal-2017 ingħaqadt ma’ klabb tal-ġiri u bdejt insegwi l-programm tal-kowċ Has Kesra li għadu l-kowċ tiegħi preżentement.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?
Kuntent ħafna bil-ħin li għamilt ftit tal-jiem ilu fil-Maratona ta’ Malta f’ħin ta’ 2:49:56 li kienet l-ewwel Maratona tiegħi ġewwa pajjiżna u t-tieni Maratona tiegħi wara dik ta’ Valencia fl-2023 b’ħin ta’ 2:54:28. Unur ieħor li għandi għal qalbi huwa l-ħin li kont għamilt f’April tal-2022 fin-Nofs Maratona ta’ Berlin fejn ksibt il-ħin ta’ 01:19:17. Iktar kmieni din is-sena rnexxieli wkoll nagħmel ħin ta’ 36.42 f’distanza ta’ għaxar kilometri. Lokalment ħafna drabi wkoll nikklassifika mal-ewwel tlieta jew ħames atleti ta’ bejn l-etá ta’ 40 u 44 sena.
Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
Jekk inħares lura meta bdejt nikkompeti jien fl-2016, nista’ ngħid li l-livell fl-atletika għola ħafna u l-kompetizzjonijiet f’tiġrijiet ta’ distanzi ta’ ħamsa u għaxar kilometri qed jiġbdu lejhom iżjed parteċipanti u parteċipanti ta’ etajiet iżgħar. Illum il-ġurnata qed naraw ħinijiet f’distanzi ta’ ħames kilometri saħansitra taħt il-15- minuta u taht il-31 minuta f’distanzi ta’ għaxar kilometri.
Ma nistax ma nsemmix ukoll il-prestazzjonijiet eċċellenti li kellna riċentement minn sħabi Charlton Debono u Andrew Grech fejn kisbu riżultati tajbin ħafna fil-Maratona ta’ Valencia f’Diċembru li għadda u fil-Maratona ta’ Malta ftit tal-jiem ilu. Din l-aħħar sena rajna wkoll ħinijiet tajbin ħafna u suċċessi kemm lokali kif ukoll barra minn Malta minn Luke, Dillon, Gabriel, Aidan u Simon u fl-2024 u fl-2023 l-atleti femminili Lisa, Josann, Roberta u Joelle kisbu suċċessi diversi wkoll.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?
Sar ħafna mmodernizzar fit-trakka tal-Marsa kif ukoll titjib fl-infrastruttura tat-toroq Maltin fosthom f’Ta’ Qali. Bl-għajnuna tal-assocjazzjoni ta’ Athletics Malta il-livell tat-tiġrijiet għola ħafna. Madankollu nemmen li jista’ jkun hemm iżjed sapport finanzjajru lill-atleti li jmorru jikkompetu barra minn Malta fejn bħalma jiġu sponsorjati saħansitra atleti barranin, jiġu wkoll sponsorjati atleti Maltin.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
Il-pjan tiegħi f’dan l-istadju tal-karriera sportiva tiegħi huwa li nkompli nkun konsistenti dan l-istaġun u għal iżjed snin oħra u li fl-istaġuni li ġejjin inkompli nnaqqas il-ħin fid-distanza tan-Nofs Maratona li hija d-distanza favorita tiegħi. Nixtieq ukoll li fi ftit ta’ snin oħra jirnexxieli nikkompeti fil-Maratona ta’ Londra.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
Is-suċċess ma jiġix mil-lum għal għada iżda bħalma jinsisti l-kowċ tiegħi Has Kesra hemm proċess, proċess li jitlob paċenzja, konsistenza u dixxiplina kemm fiżika kif ukoll mentali. Ħafna drabi l-ikbar suċċessi jiġu wara l-ikbar disfatti fejn wieħed irid janalizza xi disfatta f’riżultati ħżiena, jitgħallem minnha u jħares ‘il quddiem biex jipprova ma jerġax jirrepeti l-istess żbalji. Mill-esperjenza llum qed nifhem iktar kemm huwa importanti li jkun hemm perjodi waqt l-istaġun, speċjalment wara xi tellieqa bħall-Maratona, li wieħed ikollu bżonn ftit żmien ta’ mistrieħ jew tnaqqis fit-taħriġ u fil-kompetizzjonijiet.