Saturday, December 14, 2024

“Is-suċċess ma nkejluhx biss mill-gradwazzjoni. Kull ġurnata li persuna tagħmel magħna, dak hu suċċess fih innifsu”

— Id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt

Aqra wkoll

“Biex waslu għal dan il-jum, kien hemm proċess ta’ sentejn sħaħ bejn wieħed u ieħor. Ħafna minnhom ikunu salvaw minn ħalq il-mewt. Kellna persuni ġejjin minn oqsma differenti fis-soċjetà: mill-ITU minħabba xi każ ta’ overdose, mill-Isptar Monte Carmeli, mill-ħabs, nies b’iktar minn tentattiv wieħed ta’ programm matul is-snin”.

Iddikjara dan ma’ L-Orizzont, id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt, hekk kif ilbieraħ saret ċerimonja tal-gradwazzjoni għat-13-il persuna — erbgħa minnhom nisa u l-kumplament irġiel — li rnexxielhom itemmu l-programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga b’suċċess mal-Komunità Terapewtika ta’ San Blas f’Ħaż-Żebbuġ. Is-Sur Gatt huwa raġel bi 23 sena ta’ esperjenza f’dan il-qasam u ilu għal dawn l-aħħar tmien snin jaħdem il-Caritas.

Intant, huwa qalilna li erbgħa mill-gradwati l-ġodda kienu persuni li qed jiskontaw sentenza ta’ priġunerija l-ħabs u l-aħħar 10 xhur tal-piena qattgħuhom San Blas biex jiġġieldu l-vizzju tad-droga. Semmielna wkoll każ ieħor ta’ persuna fost il-gradwati tal-bieraħ li għamlet seba’ programmi sakemm irnexxielha tlesti wieħed minnhom b’suċċess. Il-vjaġġ ta’ dan il-programm jibda minn ċentru fi Blata l-Bajda u jkompli San Blas. Lardarba tkun lesta dik il-fażi, l-istess persuna tiġi trasferita f’Dar Miceli l-Mosta fejn minn tal-inqas trid tqatta’ tliet xhur hemmhekk u mbagħad tagħmel sena oħra tgħix ħajja indipendenti. Jekk tissodisfa dawn il-proċess sħiħ, tkun eliġibbli għall-gradwazzjoni ta’ dan il-programm.

B’rabta ma’ dan, filwaqt li qal li okkażjoni bħal dik tal-bieraħ iġġorr magħha ċertu sinifikat kemm għall-persuni li kissru dan iċ-ċirku vizzjuż, kif ukoll għall-familjari tagħhom u għall-ħaddiema tal-Caritas stess li kienu magħhom matul dan il-vjaġġ, huwa rrikonoxxa fatt interessanti: “Is-suċċess ma nkejluhx biss mill-gradwazzjoni. Kull ġurnata li persuna tagħmel magħna, dak hu suċċess fih innifsu … dawk li jkunu għamlu dal-proċess tqil ikunu ta’ tama għal sħabhom,” saħaq is-Sur Gatt.

Il-kokaina l-aktar sustanza popolari fost dawk li rrikorrew għall-għajnuna fl-2022

Is-Sur Gatt qalilna li l-età tal-gradwati kienet kemxejn varjatà, però l-iktar età komuni kienet dik fuq it-tletinijiet. Intant hawnhekk irrefera għall-informazzjoni miġbura fl-2022 fejn minn 765 persuna li rrikkorrew għall-għajnuna tagħha minħabba l-vizzju tad-droga, l-iktar età komuni kienet dik ta’ madwar 33 sena. Min-naħa l-oħra, fost il-gradwati fiċ-ċerimonja tal-bieraħ, l-ikbar persuna kienet ta’ 59 sena.

Il-kokaina jidher li kienet l-iktar sustanza mfittxija fost il-persuni li rrikorrew għall-għajnuna kontra l-vizzju tad-droga fl-2022. Dan jidher biċ-ċar hekk kif is-Sur Gatt ikkummenta ma’ L-Orizzont li 50% tan-nies abbużaw minn din is-sustanza, filwaqt li min-naħa l-oħra kien hemm 21% li kienu jagħmlu użu mill-eroina u 17% li fittxew l-għajnuna minħabba l-kannabis, apparti xi sustanzi oħra. Ta’ min jinnota li f’dawn l-aħħar ħames snin, il-persentaġġ ta’ dawk li fittxew il-kannabis bħala droga baqa’ kulma jmur jiżdied, fisser is-Sur Gatt.

Ekonomija

Sport