Ftit tal-jiem ilu l-mudella Maltija Lana Bowden iċċelebrat suċċess kbir fil-belt kapitali Griega, Ateni meta ġiet inkurunata. Lana kisbet dan l-unur prestiġjuż fejn għelbet 21 kontestanta oħra minn madwar l-Ewropa fejn ġabet dan is-suċċess għat-tielet sena konsekuttiva għal Malta. Is-sena l-oħra kienet Hannelie Van Wyk li rebħet Mrs European Nations Classique 2023 u Mrs Classique Globe 2024 sabiex poġġiet lil Malta fil-mappa Ewropea fil-qasam tal-immudellar.
Lara Bowden, omm ta’ tlett itfal, se tkun qed tirrappreżenta lill-kontinent Ewropew f’kompetizzjoni mondjali li se ssir fiċ-Ċina f’April 2025. B’ kollox se jipparteċipaw 80 pajjiż b’udjenza televiżiva li se tlaħħaq il-miljun spettatur. Dan l-avveniment globali b’hekk se jkabbar il-prestiġġju tal-immudellar Malti madwar id-dinja.
Dan is-suċċess ġie mfaħħar minn bosta esponenti tal-moda fl-Ewropa partikolarment minn Ekaterina Camilleri, direttriċi ta’ Mrs Globe Malta. Hi flimkien mat-tim tagħha ħadmet bla heda sabiex tagħti spazju lil dawk in-nies Maltin li huma miżżewġa sabiex jikkompetu f’palkijiet internazzjonali. Barra minn hekk kien hemm ukoll l-għajnuna tal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu li għamlet possibbli l-parteċipazzjoni Maltija f’din il-kompetizzjoni prestiġġjuża.
Bowden flimkien mal-kontestanti l-oħra qattgħu erbat ijiem f’Ateni sabiex jippreparaw għad-diversi attivitajiet li ħadet sehem fihom fosthom konferenzi tal-aħbarijiet, provi u skambji internazzjonali.
Dan l-avveniment kellu wkoll il-preżenza tal-ambaxxatur Malti għall-Greċja Joseph Cuschieri li flimkien mas-segretarju tiegħu taw is-sapport lil Bowden.
Din il-gazzetta ħadet il-kummenti ta’ Bowden wara dan is-suċċess li kisbet.
“Kien suċċess li fil-verita’ ma kontx qed nistennih. Kelli ħafna preparamenti qabel ma tlajt hemm u l-kompetizzjoni kienet ferm diffiċli fejn il-kontestanti ġew iġġudikati mhux biss għas-sbuħija tagħhom iżda wkoll għall-karattru tagħhom minn ġewwa.”
“Irrid ngħid li kelli sapport kbir mill-poplu Malti, mill-familja tiegħu u ħafna aktar ħbieb li xtaquli ħafna ġid. Jien mort hemm b’kuraġġ kbir u li se mmur il-Greċja biex naqta’ figura tajba.”
Minkejja kollox, Lara Bowden ammettiet li l-kuruna u s-sash madwar qaddha mhux kollox.
“Jien nista’ nqis ir-rebħa bħala suċċess veru iżda dan kollu m’għandux ibiddlek bħala mara. Il-kuruna ssebbħek veru iżda dawn huma affarijiet li bi żmien jgħaddu. Iktar sabiħ l-unur li rrappreżentajt lil Malta u anke l-memorji li int iġġorr miegħek bħala mara. Jgħodd ukoll kemm tkun ferħana minn ġewwa għax dak l-importanti.”
Lara Bowden se tkun qed tirrappreżenta lill-kontinent kollu Ewropew, xi ħaġa ferm prestiġġjuża. Minkejja kollox hi se tkun qed ixejjer il-bandiera Maltija, xi ħaġa li hi ferm kburija biha.
Lana Bowden mhix biss omm responsabbli iżda wkoll artista u mudella b’talent. Ħadmet ma’ wħud mill-aktar disinjaturi rinomati tal-Ewropa, u kompliet turi t-talent notevoli tagħha. Malta hija kburija immens bil-kisba tagħha u se tkompli tappoġġjaha hekk kif tibda l-kapitlu li jmiss tal-vjaġġ tagħha lejn iċ-Ċina.
Kif għedna Lara hi omm ta’ tlett itfal. Kif jirnexxielha tlaħħaq mal-familja, ix-xogħol u l-immudellar?
“Ovvjament irid ikollok ħafna għajnuna sabiex tagħmel dawn l-affarijiet f’daqqa. Jien għandi s-sieħeb tiegħi li jgħinni ħafna. Kieku żgur li ma nistax nagħmel dan kollu waħdi. Minn hawn ma nistax ma nirringrazzjahx tal-kuraġġ li tani biex wasalt għal dan l-unur.”
Minkejja kollox, Lara Bowden ammettiet li t-tfal jiġu l-ewwel għaliha fejn dejjem issib il-ħin kollu neċessarju sabiex toqgħod magħhom għax huma jagħmluha mara kompluta.
Saqsejna kif qed tara lilha nnifisha minn hawn u għaxar snin oħra.
“Nixtieq narani bħala mara trankwilla, bniedma li tħobb il-familja. Nixtieq nibqa’ fiċ-ċrieki tat-televiżjoni, kant, żfin u drama għax dawk ituni ħafna pożittivita’. Nixtieq ukoll li ntella’ lil uliedi b’valuri sodi sabiex jikbru bħala ċittadini tajbin.”
Fl-aħħarnett tlabna lil Lara Bowden, rebbieħa ta’ Mrs European Nations 2024 sabiex twassal l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfajliet li jixtiequ jaqbdu karriera fl-immudellar.
“L-ewwel u qabel kollox importanti li ma jaqtgħux qalbhom qatt. Is-suċċess mhux se jiġi mil-lum għal għada imma jieħu l-ħin u ż-żmien. Jekk bniedem ikun irċieva xi diżappunt mhux jaqta’ qalbu u jippakkja kollox iżda jkun reżiljenti u jara x’mar ħażin sabiex darb’oħra jmur aħjar.”
“Importanti ħafna, u din inħobb ngħidha, li kulħadd iżomm rasu fuq għonqu u ma jaqbadx triq ħażina. Jekk wieħed jibbilanċja l-ħin tiegħu, ikun qed jgħix ħajja tajba, xi ħaġa li importanti tagħmilha sabiex tara aktar progress u kollox eventwalment jiġi waħdu.”