L-EXPO Village 2025 li ttella’ fl-MFCC, Ta’ Qali, fil-jiem li għaddew, kien immirat biex jinforma aktar lill-pubbliku dwar il-ħidma tas-servizz pubbliku li qiegħed hemm biex jaqdi liċ-ċittadini fil-ħtiġijiet kollha tagħhom. Għal dan l-Expo, l-amministrazzjoni pubblika użat żoni ferm akbar minn tas-sena l-oħra, bl-għan wara dan kollu jibqa’ dak li l-Expo sservi ta’ vetrina għas-servizzi governattivi u ċans ta’ interazzjoni bejn l-uffiċjali tas-Servizz Pubbliku mal-klijenti tiegħu.
Sabiex is-servizz pubbliku jkun dejjem aħjar, tħabbret inizjattiva ġdida relatata mal-intelliġenza artifiċjali fejn se jkunu qed jiġu investiti mal-erba’ miljun ewro f’għodda speċjalizzata tal-IA, imsejħa Microsoft Copilot, li se tkun disponibbli għall-uffiċjali pubbliċi fuq il-laptops tagħhom stess. Fuq medda ta’ sentejn, se jkun qed jingħata aċċess għal din l-IA lil xejn inqas minn 8,000 ħaddiem tas-servizz pubbliku.
Dan l-investiment jorbot ukoll mal-Viżjoni Malta 2050, viżjoni li qed tilqa’ bi sħiħ l-avvanzi teknoloġiċi, inkluż l-intelliġenza artifiċjali bħala għodda li tgħin u tikkumplimenta dak li jagħmel il-ħaddiem u mhux teħodlu postu.
Barra minn hekk, sabiex il-Gvern jinkoraġġixxi aktar l-effiċjenza ġew iffirmati ftehimiet għal setturi differenti ta’ ħaddiema li jinkludu impjegati tas-Servizz Pubbliku fl-ICT Stream, Social Workers tas-Servizz Pubbliku kif ukoll impjegati tal-MCESD. Ftehimiet kollettivi li komplew itejbu bis-sħiħ il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi tagħhom. Għalhekk il-miljuni li l-Gvern jinvesti fis-servizz pubbliku mhumiex fondi moħlija imma huma investiment fir-riżors uman li wara kollox huwa l-uniku riżorsa li għandu pajjiżna.
Dan l-investiment huwa wkoll rikonoxximent lejn il-ħidma li jagħmlu dawn in-nies ta’ kuljum tant li l-Gvern jinsab impenjat li jkompli jtejjeb fuq dak li diġà sar u anke joħloq innovazzjonijiet li sa ftit ilu ma kinux jeżistu.
Quddiem dan kollu, nilqgħu b’sodisfazzjon il-bosta inizjattivi li ġew imħabbra mill-Ministeri rispettivi f’dawn l-aħħar jiem waqt l-Expo. Kif nilqgħu wkoll il-fatt li l-parteċipazzjoni u l-konkorrenza tal-pubbliku kienet waħda tajba ħafna. Dan kollu jawgura tajjeb għall-futur biex edizzjonijiet bħal dawn jibqgħu jittellgħu u juru kemm is-Servizz Pubbliku qiegħed tassew ikompli jaġġorna ruħu sabiex iwieġeb għar-realtajiet tal-lum u t’għada.