Għal żmien twil, l-industrija tal-films f’pajjiżna kienet waħda staġjonali. Kienet tkun ikkritikata bħala waħda li taħdem bl-iskossi. Għadna niftakru kif dan ix-xenarju dam għaddej għal żmien twil. Issa, il-paġna nqalbet kompletament u qegħdin naraw industrija li kulma jmur qed tkompli tiffjorixxi, tikber u tissaħħaħ. Industrija li qiegħda toffri impjiegi u karrieri tajbin. Dan qed tagħmlu għax qed tiġbed lejn pajjiżna aktar u aktar films u aktar blockbusterrs minn sena għall-oħra.
L-industrija tal-films f’pajjiżna llum hija kredibbli u tipprovdi stabbiltà. Hemm iktar minn 1,800 ħaddiema Maltin impjegati fl-industrija tal-films, żieda sinifikanti meta mqabbla ma’ tmien snin ilu, meta kienet timpjega madwar 300 Maltin fis-settur għal perjodi qasir ta’ żmien fis-sena.
Dak li ġie rappurtat li qal il-Kummissarju tal-Films Johann Grech, illi bl-investiment li saret fl-industrija tal-films, pajjiżna mar aħjar, li l-finanzi tal-Gvern marru aħjar u li l-Gvern daħħal erba’ darbiet akta milli nefaq. Danb ifisser li b’kollox, ġew sostnuti, aktar minn 15,000 impjieg fl-ekonomija, b’benefiċċji mifruxa fuq komunitajiet diversi.
Għandna għax nifhmu li sar ħafna xogħol imma għad fadal ħafna aktar x’jiġi mwettaq. Bil-proġett tal-Malta Film Studios, li jinkludi “the first global Land-Sea Super Stage”, se tkun ikkonsolidata l-ħolma li tinħoloq “a world-class film industry” f’pajjiżna. Permezz ta’ investiment barrani għal dan il-proġett ambizzjuż, li se jipprepara lil pajjiżna għad-diċenji li ġejjin, se tingħata garanzija ta’ karrieri fil-films lil Maltin u l-Għawdxin.
Dan ma ngħiduhx aħna biss imma jgħiduh ukoll bosta diretturi u produtturi u anki atturi li baqgħu msaħħra b’dak kollu li pajjiżna joffri. Wirt storiku, poplu ospitabbli u ħaddiema bieżla li jitgħallmu malajr aktar minn popli oħra.
Quddiem dan kollu għandna għalfejn inkunu sodisfatti li l-investimenti li saru matul is-snin kinux flus moħlija kif għad hawn min jgħid, imma ħafna minnhom kienu diretti biex jiġu modernizzati l-faċilitajiet eżistenti li komplew jagħmlu lil pajjiżna ċentru mediterranju jekk mhux ukoll internazzjonali għall-ġbid tal-films.



