Friday, May 16, 2025

Is-suċċess tal-promozzjoni kien l-għaqda fid-dressing room – Laurence Seychell

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Naħseb li bħal kull tifel minn meta tkun żgħir, tkun tħobb il-logħba tal-futbol. Fil-bidu kont nilgħab mat-tim tal-iskola, peró kelli nieqaf minħabba studji. Peró, kif spiċċajt l- istudji mill-ewwel dħalt fl-ammistrazzjoni, għax l-imħabba għall-isport tibqa’ hemm.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala viċi-president ta’ Vittoriosa Stars FC.

Prinċiparjarment ir-rwol tiegħi hu ta’ ‘liaison’ mal-MFA, bħala delegat tal-klabb fil-Kunsill. Barra minn hekk, jien il-punt ta’ referenza fejn jidħlu regolamenti tal-MFA u għaldaqstant nieħu ħsieb is-segretarjat tal-klabb, speċjalment fejn jidħlu kuntratti tal- plejers u l-istaff tekniku, u reġistrazzjonijiet tal-plejers.

X’taħseb li kien is-sigiriet tas-suċċess wara l-kisba tal-promozzjoni għall-BOV Challenge League?

Is-sigriet tas-suċċess żgur u mhux forsi kien l-ewwel ix-xogħol kbir li sar minn kif spiċċa l- istagun ta’ qabel mit-team manager Jonathan Vella u l-kowċ Jason Camenzuli, sabiex jarmaw tim li jkun wieħed kompetittiv. Wara li sar dan ix-xogħol jibda x-xogħol fuq il- pitch. Ta’ importanza kbira kienet l-għaqda fid-dressing room għax kieku ma kinitx din l- għaqda, żgur li ma kienx ikollna dan is-suċċess. Din l-għaqda ħarġet iktar fid-deher meta kellna t-traġedja tal-mibki iżda qatt minsi, Alejanrdo Brincat – xi ħaġa li kemm ili involut fil-futbol qatt ma esperjenzajt. Il-preżenza ta’ Alejandro baqgħet magħna sal-aħħar  logħba u se tibqa’ fil-futur.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Jien l-aktar li nista’ nitkellem hu fuq il-kampjonati miċ-Challenge League ‘l isfel għax dawk huma l-kampjonati li ħdimt fihom. Huwa fatt li l-livell f’dawn il-kampjonati tjieb. Dan jista’ jidher minn kif qed jiżvolgu dawn il-kampjonati. Fil-fatt l-eżitu tal-kampjonat qiegħed ikun deċiż kważi dejjem fl-aħħar logħbiet. Fattur li kkontribwixxa ħafna għal dan huwa l-ammont ta’ plejers barranin fil-Malta Premier, li fisser li plejers Maltin niżlu jilagħbu fid-diviżjonijiet inferjuri.

U dak tal grawnds fejn tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?

Il-grawnds li jintlagħab fihom in-National Amateur League hemm ħafna nuqqasijiet. Nibda bil-parking għall-kit managers. Taqla’ fwiedek biex issib tipparkja. Ikollok tipparkja ‘il bogħod mill-istadium. Wara biex tasal fid-dressing room trid titla’ u tinżel ħafna taraġ. Dressing rooms mhumiex ‘up to standard’ minn ħafna aspetti. Ċerti grawnds id-dawl mhux adekwat. Imma biex inkun ‘fair’, l-istadia li jintlagħab fihom iċ-Challenge League huma aħjar u għalkemm mhumiex perfetti, ħafna minn dawn il-problemi mhux hemm. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Il-futur tiegħi minħabba l-etá ma tantx nista’ nħares fit-tul wisq peró jien konvint li nibqa’ nservi lill-klabb sakemm ikun għad hemm bżonn l-għajnuna tiegħi. Nista’ ngħidlek ix-xewqa tiegħi – dik li nsib lil xi ħadd li hu iżgħar ħafna fl-etá, preferibilment mill- Birgu stess, sabiex jitrawwem fir-regolamenti tal-MFA u nkun nista’ nirtira b’moħħi mistrieħ li l-klabb li tant ħdimt għalih ikollu futur.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-futbol huwa sport sabiħ ħafna, għalkemm xi kultant jista’ jkun kattiv, imma jekk tagħmlu bil-qalb tieħu sodisfazzjon kbir. L-importanti li dak li tagħmel tagħmlu bil-qalb u tieħu pjaċir tagħmlu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport