Wednesday, March 19, 2025

Is-suċċess trid taħdem għalih – Dr Duncan Borg Myatt

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn dejjem kont inħobb il-futbol u nsegwi. Fl-2008 kont involvejt ruħi ma’ grupp ta’ ħbieb b’tim tal-Futsal. Għamilt sitt snin fil-futsal fejn konna qlibna tim bħala Hibernians u kien l-ewwel tim li rebaħ kampjonat bil-format tal-klabbs. F’dan iż-żmien kont dħalt fil-kumitat tal-Hibernians fejn għamilt erba’ snin bħala viċi-president. Wara ngħaqadt ma’ Gudja United FC.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala president ta’ Gudja United FC.

Din kienet esperjenza ta’ sodisfazzjon kbir u uniku minħabba ħafna fatturi. Jien ingħaqadt ma’ Gudja United FC fl-2017 wara li dan l-istess klabb kien għadu kemm salva b’punt wieħed fit-Tieni Diviżjoni. Fl-2019 ġejna promossi għall-Premier għall-ewwel darba fl-istorja. Li tara ammont ta’ nies fosthom anzjani jibku bil-ferħ għaliex fl-aħħar il-ħolma tagħhom saret realtá hija esperjenza indeskrivibbli. Ovvjament xejn ma jsir u jiġi waħdu jiġifieri biex ġejna promossi u żammejna ħames snin sħaħ fl-ogħla diviżjoni fissret numru ta’ sagrifiċċji, xogħol u ljieli ma norqodx!

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim tiegħek matul dan l-istaġun sa issa?

Kuntent bl-andament tat-tim għaliex kontra dak li wieħed jaħseb, meta tim jiġi relegat mhux faċli biex terġa’ tibni fiduċja u enerġija. Iżda kellna pjan għall-klabb illi t-tim ikun possibilment żagħżugħ għaliex huma dawn li jġibu enerġija u passjoni ġdida. Flimkien ma’ plejers oħra ta’ esperjenza taħt il-gwida tal-kowċ, Orosco Anonam, kuntent nara dan it-tim jikber.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

Dan l-istagun it-tragward huwa li nibqgħu fil-BOV Challenge League bla problemi sabiex ikollna żmien insaħħu skwadra ġdida għall-futur u nsaħħu l-klabb.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Onestament ma narax li l-livell tal-futbol Malti inġenerali għamel xi avvanzi. Pjuttost huma plejers maltin li nara li tjiebu fil-livell tagħhom u dan qed naraw ir-riżultat tiegħu fit-tim nazzjonali.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Kif jaf kulħadd għandna limitazzjonijiet ta’ grawnds fejn isir il-logħob u t-taħriġ. Imma dak huwa l-pajjiż u ma tantx tista’ tagħmel mod ieħor. Riżultat ta’ dan xi kultant ikollok logħob skedat f’ħinijiet strambi. Fejn jidħol taħriġ bejn numru ta’ klabbs u nurseries żgur li ninsabu f’konġestjoni.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-amministrazzjoni tal-futbol?

Jiena kommess illi nara li dak li bdejt tmien snin ilu ma jispiċċax fix-xejn. Ovvjament bħal kulħadd jien miniex għal dejjem u għaldaqstant bilmod bdejt proċess illi maż-żmien nara li jkun hemm nies oħra li jmexxu l-klabb u li l-klabb jitħalla f’pożizzjoni b’saħħitha. Xorta se nibqa’ viċin tan-nies u l-klabb!

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Fil-ħajja biex tagħmel suċċess trid tagħmel ammont ta’ sagrifiċċji. Il-futbol mhu xejn differenti u għaldaqstant suċċess fil-futbol ifisser li tagħmel sagrifiċċji ta’ ħinijiet u taħriġ u li tkun lest tagħmel passi li f’ħajtek qatt ma tkun għamilthom. Is-suċċess trid taħdem għalih!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport