Tuesday, April 8, 2025

‘Is-suċċess u s-sodisfazzjon li tagħtik l-atletika, naħseb ma jagħtih ebda sport ieħor’ – Josmar Cilia

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

Din hemm storja warajha… Meta faqqa’ lockdown tal-COVID tlajt fuq l-miżien u n-numru ma kienx sabiħ. Wera li kien viċin it-3 figuri u moħħi qal, “Issa jew nagħmel xi ħaġa jew inkella dak in-numru jiġi bi 3 figuri fil-vicin!” Tinsiex li kullimkien kien hawn magħluq allura bdejt nagħmel xi eżerċizzji d-dar  billi segwejt fuq YouTube u bdejt nieżel fil-piż. Imbagħad bdejt niekol aħjar u fiżikament bdejt inħossni tajjeb sakemm fis-sena 2022 iddeċidejt li mmur ġirja/mixja u minn hemm xi ħaġa qisha ħadet il-ħajja. Imbagħad bdejt inżid id-distanza u bi ftit għajnuna minn ħabib tiegħi għamilt in-nofs maratona ta’ Malta fis-sena 2023. U minn hemm ma ħaristx lura. Issa ilni sentejn nittrenja mal-kowċ Fabio Spiteri.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?

Jiena bdejt tard f’dan l-isport ta’ 40 sena allura biex tirbaħ unur ta’ din l-età huwa diffiċli imma s-sabiħ ta’ dan l-isport huwa li għal kull età hemm sodisfazzjon. Dan huwa sport li huwa inti kontra inti, fejn jekk tiddedika ħin u tkun konsistenti, se tasal!  Dejjem irid ikollok kowċ li int tafda u jmexxik hu bl-aħjar mod. Meta bdejt kelli 3 objettivi li għedt dawn irrid nagħmilhom zgur: 5km f’inqas minn 20 minuta, 10km f’inqas minn 40 minuta u nofs maratona f’inqas minn 90 minuta. U wara sentejn irnexxieli nagħmilhom kollha bl-aħħar waħda tkun l-10km fejn il-ferħ li ħassejt meta għamiltha kien sabih ħafna. Però l-ikbar sodisfazzjon jibqa’ meta għamilt nofs maratona ta’ Pisa s-sena l-oħra fejn ġrejtha f’inqas minn siegħa u 29 minuta. Kif qbiżt il-finish line tant fraħt li beda nieżel id-dmugħ. 

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell tal-atletika fil-pajjiż tagħna qiegħed aktar ma jmur aktar qed jilħaq livelli li qatt ma laħaq qabel, kemm  fit-tlielaq tat-triq u anka f’dawk tat-trakka tal-Marsa. Fejn hemm ħafna dixxiplini u ġew unuri kbar għall-pajjiż tagħna. Apparti dawn, hemm it-triathlon li hija dixxiplina fejn fil-preżent hawn atleti stabiliti tajbin ħafna u hawn tfal tilgħin li huma fenomenali, naf għax nittrenja magħhom taħt l-istess kowċ Fabio.  Il-preżent u anke l-futur jidhru sbieħ ħafna.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?

Fejn nitħarrġu ovvjament ikun hemm sezzjoni ta’ taħriġ fit-triq u jkun hemm ċertu sezzjoni ta’ taħriġ li tkun fit-trakka. Għax it-taħriġ ivarja skont il-programm li jkun bagħatilna l-kowċ.  Aħna dawk li niġru fit-triq il-kalendarju tat-tlielaq tant hu mimli li eżempju din is-sena hemm ’il fuq minn 60 tellieqa. Anke dawk tal-Marsa, trakka jkollhom ukoll avvenimenti. Però dawk tat-triathlon minn din is-sena m’għandhomx u jkollhom imorru barra minn Malta għax l-unika klabb li kien jorganizza xolja u kienet ħasra. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

Dwar il-futur jekk dejjem ikolli s-sahha u s-sapport tal-familja għax trid dejjem tibbilanċja bejn xogħol, familja u taħriġ, fejn trid tagħmel sagrifiċċji bħal kull sport ieħor, nixtieq inkompli ntejjeb il-ħinijiet li għandi fejn imbagħad meta jasal il-waqt nipprova l-maratona 42.2km li hija ħolma ta’ ħafna li jagħmluha. U anke li mmur nagħmel aktar tlielaq barra minn Malta ghax l-esperjenza u l-ammont ta’ nies li jkun hemm huma kbar ħafna. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

Il-messaġġ huwa li dan huwa sport li ma hemmx età  għalih u jista’ jagħmlu kulħadd. Importanti li jkollok slipper tajjeb u komdu u tista’ tmur tiġri barra fit-triq jew ma’ xtajtiet. U wkoll tista’ tagħmlu fI kwalunkwè ħin li inti tkun komdu.  Biss, jekk trid tagħmel karriera ta’ suċċess trid dedikazzjoni kbira u dixxiplina mbagħad aktar ma tibda kmieni aktar għandek ċans li jkollok suċċessi. Però qatt taqta’ qalbek għax is-suċċess u s-sodisfazzjon li jagħtik dan l-isport, naħseb ma jagħtih ebda sport ieħor. U dan ikun kull darba li tibda u tispiċċa tellieqa fejn tara ħafna nies ta’ kull età jifirħu meta jaqsmu l-linja finali (finish line) tat-tellieqa li jkunu għamlu!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport