“Kull prekawzjoni sabiex fiċ-ċirkostanzi, tiġi ssalvagwardjata l-ħajja u s-saħħa tas-suldati taż-żamma tal-paċi qegħdin jiġu meħuda kemm mill-kmand ġenerali tal-missjoni UNIFIL, kif ukoll mill-kmand tal-kontinġent Irlandiż li s-suldati Maltin jagħmlu parti minnu.”
Ikkonferma dan il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri meta mistoqsi mid-deputata Nazzjonalista Janice Chetcuti dwar jekk il-grupp ta’ suldati mibgħuta mill-Forzi Armati ġewwa l-Libanu jinsabux f’sitwazzjoni sikura issa li nħolqot aktar tensjoni bejn l-Iżrael u l-Hizbollah.
Il-Ministru Camilleri kompla biex jgħid li jinsab infurmat li l-preżenza tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-fruntiera bejn il-Libanu u Iżrael permezz tal-missjoni UNIFIL (United Nations Interim Force in Lebanon) hija mmirata proprju biex titnaqqas it-tensjoni f’dawn it-tip ta’ ċirkustanzi.
Żied jgħid li jinsab infurmat ukoll li l-Forzi Armati ta’ Malta jżommu kuntatt dirett u kontinwu mas-suldati Maltin, kuntatt dirett u kontinwu mal-kmand ġenerali tal-Forzi Armati Irlandiżi li s-suldati Maltin jagħmlu parti minnu, u kif ukoll mar-rappreżentanza Maltija lejn in-Nazzjonijiet Uniti fi New York.
Mistoqsi dwar il-miżuri li qegħdin jittieħdu, il-Ministru qal li dawn jinkludu monitoraġġ u assessjar kontinwu tas-sitwazzjoni, linji ta’ komunikazzjoni bejn il-kmand tal-missjoni UNIFIL u l-armata Iżraeljana, tibdiliet temporanji fl-operat tal-missjoni skont is-sitwazzjoni, kif ukoll miżuri fiżiċi ta’ protezzjoni bħal shelters li jservu ta’ kenn f’każ li jkun hemm xi periklu minn rockets u artillerija.
L-Uffiċjali u s-suldati Maltin huma mħarrġa, addestrati, u ta’ livell biex jaħdmu u joperaw f’dawn iċ-ċirkostanzi. Apparti dan, qabel dawn l-uffiċjali u s-suldati Maltin jitilgħu għal din il-missjoni, jagħmlu żmien ta’ taħriġ intensiv flimkien mal-Irlandiżi sabiex jiġi assigurat li ż-żewġ forzi jilħqu l-livell neċessarju.
Il-Ministru Camilleri għamilha ċara li kull uffiċjal u suldat li jipparteċipa f’din il-missjoni jieħu sehem fuq bażi voluntarja u sal-ġurnata tal-lum l-ebda suldat Malti ma talab sabiex jinżel lura Malta.
Id-deputata Nazzjonalista staqsiet ukoll jekk dawn is-suldati humiex qegħdin jitħallsu bl-istess mod kif qed jitħallsu suldati li ġejjin minn pajjiżi oħra, partikolarment bħal dawk tal-Irlanda li qegħdin fl-istess grupp magħhom.
Hawnhekk il-Ministru wieġeb li l-ħlas li jirċievu s-suldati Maltin huwa bbażat fuq linji ta’ policies interni tal-Forzi Armati dwar servizz barra minn xtutna filwaqt li l-ħlas tas-suldati taż-żamma tal-paċi li jservu man-Nazzjonijiet Uniti, hija kwistjoni ta’ politika interna tal-pajjiżi kontribwenti, individwalment.
“Kull pajjiż jimxi u jħaddan il-proċeduri u mekkaniżmi ta’ ħlas interni. Kwalunkwe ħlas minn Nazzjonijiet Uniti isir dirett lis-suldati Maltin fil-Libanu”, temm il-Ministru Camilleri.