Saturday, December 21, 2024

“Is-suldati Russi li daħlu f’Chernobyl ma kellhom l-ebda protezzjoni kontra r-radjazzjoni”

Aqra wkoll

Is-suldati Russi li ħadu l-kontroll tas-sit ta’ Chernobyl ma kellhom l-ebda lbies protettiv kontra r-radjazzjoni u dawn – minħabba li saqu trakkijiet kbar fiż-żona – tefgħu fl-arja ammonti kbar ta’ trab radjuattiv.  

Żewġ sorsi Ukreni li tkellmu ma’ midja internazzjonali qalu li s-suldati fil-konvoj Russu li daħal f’Chernobyl ma kellhom l-ebda lbies li jipproteġihom kontra r-radjazzjoni. Ħaddiema li jaħdmu f’dan is-sit qalu li din kienet xi ħaġa “suwiċidali” għas-suldati Russi minħabba li dawn spiċċaw belgħu ammont kbir ta’ trab radjuattiv li probabbilment se jikkawża livelli għolja ta’ radjazzjoni interna f’ġisimhom. 

Fil-25 ta’ Frar li għadda, osservaturi Ukreni kienu qalu li interċettaw livelli ogħla mis-soltu ta’ radjazzjoni ġejjin minn Chernobyl u dan hekk kif t-trakkijiet Russi daħlu f’din il-parti tal-Ukrajna. Dan aktarx seħħ minħabba li t-trakkijiet bdew itajru t-trab fl-arja, iżda dak li seħħ eżatt f’din iż-żona għadu mhux magħruf b’ċertezza. 

Żewġ ħaddiema Ukreni li tkellmu mal-aġenzija tal-aħ­barijiet Reuters qalu li huma kienu xogħol meta r-Russi daħlu bit-tankijiet f’Chernobyl fl-24 ta’ Frar u ħadu l-kontroll taż-żona. Dawn qalu li huma għad għandhom ir-responsabbiltà li jaħżnu b’mod sigur il-fjuwil nukleari li jkun spiċċa kif ukoll iħarsu l-qafas tal-konkrit li jagħlaq lir-reattur nukleari li kien sploda fl-1986.

Wara li l-militar Russu ħa l-kontroll taż-żona, huma qalu li l-livelli ta’ radjazzjoni huma normali u saħqu li l-azzjonijiet tagħhom saru biex “jipprevjenu l-possib­biltà ta’ provokazzjoni nukleari minn nazzjonalisti Uk­reni”. Ir-Russja ċaħdet l-allegazzjonijiet li kienu ħarġu li s-suldati tagħhom poġġew dan is-sit nukleari f’riskju.

Ekonomija

Sport